Il-Pulizija tara l-aħħar kuntatti li kellhom il-vittmi … rapporti li nstabet l-vettura li ntużat mill-qattiela

Miktub minn CLAUDIO COLEIRO

L-investigaturi fid-delitt doppju f’Tas-Sliema qegħdin ikomplu jinvestigaw b’reqqa kbira l-filmati tas-CCTV li kien hemm fl-inħawi fejn seħħ id-delitt waqt li fl-istess ħin għadhom qed jaraw l-aħħar kuntatti li seta’ kellhom il-vittmi.

Dan is-sit jinsab infurmat li l-investigazzjoni issa nfirxet fuq l-apparati elettroniċi li kellhom Dr Chris Pandolfino u Ivor Maciejowski li nstabu maqtula fir-residenza tagħhom nhar it-18 ta’ Awwissu li għadda.

Dan biex ikunu jistgħu jaraw l-aħħar messaġġi li setgħu bagħtu jew intbagħtu lilhom u anke biex jaraw jekk kienx hemm xi allegat theddid mingħand xi ħadd jew diżgwid li b’xi mod seta’ wassal biex seħħ id-delitt.

Nifhmu li dan il-proċess se jkun qiegħed jieħu tul ta’ żmien anke għall-fatt li l-investigaturi jridu jaraw numru ta’ messaġġi inkluż dawk li kellhom fuq il-mezzi soċjali.

Il-ġimgħa l-oħra, dan is-sit kien irrapporta kif għalkemm il-Pulizija mhi teskludi xejn dwar il-mottiv tad-delitt, jidher li l-iktar teżi li qed jaħdmu fuqha hija li l-qattiela riedu joqtluhom bi tpattija u li ma kinitx serqa li marret ħażina.

Minn filmati tas-CCTV fl-inħawi rriżulta li waqt li Maciejowski baqa’ ġewwa fl-aħħar sigħat qabel inqatel, Dr Pandolfino ħareġ għall-ħabta tas-7.00 p.m. u daħal lura għall-ħabta tal-10.00 p.m., bi tliet persuni jidhru deħlin madwar kwarta wara u joħorġu wara biss erba’ minuti.

Il-fatt li dawn daħlu u ħarġu mid-dar f’temp ta’ erba’ minuti iktar issaħħaħ it-teżi li huma ma kinux interessati fil-ġojjellerija u l-oġġetti tal-arti li kien hemm fl-istess dar. 

L-allegati qattiela dehru wkoll deħlin f’karozza bajda u jitilqu minn fuq il-post filwaqt li ntqal li fid-delitt ġew sparati minn tal-inqas sitt tiri.

Iż-żewġ vittmi nstabu mejta fid-dar li kienu jgħixu fiha fi Triq Locker f’Tas-Sliema, fl-inħawi ta’ Qui-Si-Sana, b’Pandolfino fl-intrata ta’ ħdejn il-bieb ta’ barra u Maciejowski fis-sular ta’ fuq.

It-tabib ta’ 58 sena u s-sieħeb tiegħu ta’ 30 sena, li huwa ta’ nazzjonalità Ingliża b’dixxindenza b’Pollakka kienu magħrufa għall-imħabba li kellhom lejn il-pitturi u l-arti. 

Intant rapporti lokali qed jirrapurtaw li fl-aħħar sigħat instabet il-vettura li allegatament intużat mill-qattiela biex jaħarbu minn fuq il-post.

Share With: