Il-qtil doppju f’Tas-Sliema iktar ta’ tpattija milli serqa

Għalkemm il-Pulizija mhu teskludi xejn dwar il-mottiv tal-qtil doppju f’Tas-Sliema jidher li l-iktar teżi li qed taħdem fuqha hija li l-qattiela riedu joqtluhom bi tpattija u li ma kinitx serqa li marret ħażin.

Il-Pulizija kompliet tifli l-filmati tas-CCTV cameras fl-inħawi biex tipprova tasal għall-karozza wżata u għat-tlitt irġiel li dehru ħerġin mid-dar fi Triq Locker.

Il-fatt li dawn daħlu u ħarġu mid-dar f’temp ta’ erba’ minuti iktar isaħħaħ it-teżi li huma ma kienux interessati fil-ġojellerija u l-oġġetti tal-arti li kien hemm fid-dar.

Dr Christian Pandolfino u s-sieħb tiegħu Ivor Maciejowski nstabu mejta fit-18 ta’ Awwissu bit-tabib ta’ 58 sena ħdejn l-intrata tal-bieb prinċipali u l-Ingliż ta’ dixxendenza Pollakka, li kellu 30 sena, fit-tieni sular.

F’dan il-qtil ġew sparati mill-inqas sitt tiri u għalkemm l-awtopsja li saritilhom il-Ħamis ikkonfermat li nqatlu bl-istess tiri għad mhux magħruf b’kemm-il tir intlaqtu.

Waqt li Maciejowski kien id-dar fil-ħin qabel inqatel, Dr Pandolfino deher ħiereġ għall-ħabta tas-7.00 p.m. mbagħad irritorna f’xi l-10 p.m. u madwar kwarta jew 20 minuta wara daħlu l-qattiela li reġgħu ħarġu f’erba’ minuti.

Share With: