Il-UEFA tista’ tiddeċiedi li partiti tal-UNL isiru f’pajjiżi newtrali

L-impatt fil-tul tal-pandemija Covid-19 jista’ jwassal biex xi logħbiet tal-UEFA Nations League jintlagħbu f’postijiet newtrali, bi kwalunkwe deċiżjoni dwar il-bdil tal-post x’aktarx li tiġi qabel il-finali tal-UEFA Champions League fit-23 ta’ Awwissu.

Iż-żewġ rounds ta¯l-ftuħ tan-Nations League huma skedati għat-3-8 ta’ Settembru waqt il-waqfa internazzjonali bit-timijiet nazzjonali kollha tal-kontinent fl-azzjoni.

Normalment il-UEFA jkollha laqgħat madwar il-finali taċ-Champions League u l-Europa League u konferenza bit-telefon tista’ isseħħ fl-10 ijiem li ġejjin.

Bis-sitwazzjoni tas-saħħa tvarja madwar il-kontinent u r-restrizzjonijiet jinbidlu, il-UEFA tkun ħerqana li tevita kwalunkwe ċirkostanza fejn il-logħob jiġi kkanċellat fl-aħħar minuta.

“Koperazzjoni mill-qrib bejn it-timijiet kollha u l-UEFA se tkun meħtieġa biex tiżgura waqfien regolari tal-logħbiet kollha. F’dan l-istadju ma tis­tax tiġi mnaqqsa l-possibbiltà li jintlagħbu logħbiet internazzjonali fi grounds newtrali,” qalet il-UEFA l-ġimgħa li għaddiet.

Nhar il-Ħamis, il-UEFA ħassret il-kampjonat ta’ Taħt is-17-il sena tan-nisa tagħha u pposponiet il-kompetizzjoni ta’ Taħt id-19-il sena tal-irġiel kif ukoll numru ta’ partiti oħra tat-timijiet nazzjonali taż-żgħażagħ.

Bħalissa, il-UEFA qed tinsisti li l-logħbiet kol­lha fil-kompetizzjonijiet tagħha jintlagħbu wara l-bibien magħluqa, iżda hemm pressjoni minn xi pajjiżi fejn is-sitwazzjoni tas-saħħa tjiebet b’mod sinjifikanti biex tippermetti li xi partitarji jattendu l-logħbiet.

L-Ungerija u l-Polonja huma fost dawk il-pajjiżi li ppermettew lill-partitarji fil-grounds għal xi logħob waqt li numru żgħir attenda wkoll logħbiet fl-Isvizzera u Franza.

Is-sitwazzjoni diġá kumplessa li hemm bżonn li jintemm l-istaġun imdewwem tal-2019-20 taċ- Champions League u tal-Europa League, bil-mini-tournaments f’Lisbona u fil-Ġermanja, hija kkomplikata mill-bidu tal-kwalifika għall-kampanji tal-istaġun li ġej.

Tfakkira tal-problemi li għadhom jistgħu jaffettwaw l-logħbiet waslet din il-ġimgħa biċ-champions tal-Kosovo, KF Drita, sfurzati jċedu r-round preliminari tagħhom taċ-Champions League lill-club Irlandiż ta’ Fuq, Linfield, wara li żewġ players ittestjaw pożittivi għal Covid-19.

Nhar it-Tlieta, Drita kellhom jilagħbu fil-belt tal-lagi Svizzera ta’ Nyon, iżda l-awtoritajiet tas-saħħa lokali ordnaw li l-iskwadra kollha tkun kwarantina wara li saru t-testijiet.

Il-UEFA qalet li l-Kumitat tal-Appelli tagħha ddeċieda li kif Drita ma setgħux jilagħbu, kienu “meqjusa li tilfu l-partita 3-0.”

Il-Greċja, Ċipru, l-Ungerija u l-Polonja offrew li jaġixxu bħala postijiet newtrali għal-logħbiet tal-kompetizzjoni tal-UEFA jekk ir-restrizzjoni­jiet relatati mal-ivvjaġġar Covid-19 ma jħalluhomx jintlagħbu fil-pajjiż skedat oriġinarjament.

Share With: