“Il-virus ma jiddistingwixxix bejn inizjattiva tal-massa u oħra”

Dr Martin Balzan jisħaq li “r-restrizzjonijiet jistgħu jillimitaw, imma mhux iwaqqfu l-firxa tal-virus”

“Aħna bħala assoċċazzjoni m’aħniex favur inizjattiva tal-massa iżda kontra oħrajn; il-virus ma jikkalkulax, jew jiddistingwixxix, bejn festa jew oħra, għaliex hija biss id-distanza soċjali u l-miżuri tas-saħħa li jistgħu jwaqqfu l-firxa tiegħu.”

Saħaq dan ma’ Inewsmalta l-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija, Dr Martin Balzan, hekk kif saħaq li diversi mitigazzjonijiet jistgħu jkunu affettwati biex jipprevjenu t-tifrix.

Dr Balzan saħaq li matul ix-xhur tas-Sajf, hemm numru ta’ attivitajiet, fosthom it-tiġijiet, li jseħħu bi frekwenza ikbar minn xhur oħra. “Fost l-oħrajn, hemm it-tiġijiet: attivitajiet li apparti li jirrikjedu ammont kbir ta’ flus, waqt li huma sensittivi ħafna għal dawk li jorganizzawhom. Aħna konxji tas-sensittività ta’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet.”

“Nistgħu ngħidu li f’ċertu tiġijiet, jista’ jkun li l-persuni li jattendu jkunu iktar protetti jekk iżommu d-distanza, jew inkella jpoġġu bilqegħda bħalma jagħmlu fir-ristoranti. Però din xorta waħda għandha l-limiti.”

Dr Balzan fakkar ukoll kif ċertu inizjattivi jista’ jkun li jbatu minn nuqqas ta’ attendenza, minħabba li numru ta’ persuni jibżgħu li jkunu preżenti. “Dan ukoll irid jiġi kkunsidrat.”

“L-unika mezz ta’ mitigazzjoni li aħna naraw hija n-nuqqas ta’ moviment min-naħa ta’ dawk preżenti, kif ukoll li tinżamm distanza sostanzjali bejn dawk. preżenti.”

Mistoqsi minna fuq jekk sarx progress sostanzjali fit-taħditiet li l-MAM qiegħed ikollha mal-Gvern, rigward l-attivitajiet tal-massa, filwaqt li ma kkonfermax dwar jekk sarx progress, Balzan saħaq li l-Awtoritajiet tas-Saħħa, inkluż is-Supretendent tas-Saħħa, il-Professur Charmaine Gauci, laqgħu ħafna l-kummenti u l-pariri li huma kienu qegħdin jagħtu.

Share With: