Illum Valletta jkunu mpenjati fil-UEFA Europa League

Lejliet il-logħba li Valletta FC se jilagħbu kontra Bala Town ta’ Wales valida mill-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni  tal-UEFA Europa League, saret konferenza stampa li ġiet indirizzata mill-coach ta’ Valletta, Jesmond Zerafa, il-captain Jonathan Caruana u l-goalkeeper Henry Bonello.

Il-coach Belti beda biex qal li jkun żball jekk wieħed jaħseb li l-logħba kontra t-team minn Wales hi waħda faċli. Huwa qal li studja sew lill-avversarji hekk kif għa­mel riċerka dwar l-aħħar partiti li lagħbu u l-players li jiffurmaw l-iskwadra tagħhom.

Zerafa sostna li Bala Town jilagħbu stil ta’ football Ingliż li jikkonsisti f’aggressivitá u ħeffa.

Huwa qal li l-preparazzjoni tagħhom qabel din il-partita kienet limitata għal żewġ logħbiet ta’ ħbiberija filwaqt li komplew bil-pre-season tagħhom b’sessjonijiet intensivi ta’ taħriġ.

Il-coach Belti qal li din hi partita waħda u għalhekk iridu jieħdu vantaġġ mill-fatt li se jilagħbu f’Malta. Huwa temm jgħid li jekk tkun il-ġurnata tagħhom kapaċi jagħmluha għal round ieħor ta’ din il-kompetizzjoni.

Tkellem ukoll il-captain ta’ Valletta Jonathan Caruana fejn qal li hu flimkien ma’ players oħra ta’ esperjenza ġieli lagħbu f’dawn it-tip ta’ partiti u xogħlhom huwa li jgħinu liż-żgħażagħ biex jaffaċċjaw din il-logħba bl-aqwa mod possibbli.

Il-goalkeeper ta’ Valletta Henry Bonello qal li l-pandemija tal-Covid-19 tellfet iż-żmien ta’ preparazzjoni u f’dawn is-sessjonijiet ta’ taħ­riġ ħadmu bi sħiħ fuq il-kundizzjoni fiżika tagħhom. Hu sostna wkoll li mhux se tkun xi ħaġa sabiħa li l-logħba se tintlagħab bil- bibien magħluqa meta huma mdorrijin jilagħbu quddiem il-partitarji  tagħhom.

Madankollu xorta waħda se jagħmlu dak kollu possibbli sabiex jgħaddu minn dan l-ewwel round.

Sadanittant sar magħruf li Valletta se jkollhom lill-winger Ġappuniż Taisei Marukawa u d-difensur mis-Serbja Mihailo Jovanovic se jkunu fl-iskwadra għal din il-logħba tant importanti. Dan kollu seħħ wara li l-Beltin irreġistraw lil dawn iż-żewġ players fil-ħin. Huma jingħaqdu mal-akkwist ieħor prestiġjuż ta’ Taylon Nicolas Marcolino li se jżid aktar is-saħħa fl-attakk Belti.

Sadanittant, iż-żewġ timi­jiet Maltin, Hibernians u Sirens, se jkunu wkoll impenjati f’din il-kompetizzjoni meta jilagħbu barra minn xtutna kontra FC Vaduz (Liechtenstein) u CSKA Sofia (Bulgarija) rispettivament.

Share With: