“Imbierka hija dik il-mara li ma żżewġitnix”

L-Isqof Anton Theuma jemmen li jekk is-saċerdot jiżżewġu, il-Knisja tkun qiegħda titlef ħafna

Minn Carmen Cachia

Is-suġġett dwar jekk is-saċerdoti għandhomx ikollhom l-għażla li jiżżewġu jew le huwa importanti għall-Isqof t’Għawdex, Dun Anton Theuma, fejn personalment iħoss li jekk dawn jiżżewġu, il-Knisja tkun qiegħda titlef ħafna. Huwa jsemmi l-lat tal-valuri ta’ saċerdot li jiddedika ħajtu kompletament lil Alla u l-lat prattiku ta’ kemm, fil-verità, jista’ qassis ilaħħaq mal-obbligi reliġjużi tiegħu flimkien ma’ dawk taż-żwieġ.

Fl-aħħar suġġett minn sensiela ta’ artikli li dehru fuq L-ORIZZONT, mal-Isqof Theuma qbadna t-tema kontroversjali dwar jekk is-saċerdoti għandhomx jiżżewġu jew le. L-opinjonijiet huma maqsuma bejn min isostni li ladarba raġel daħal qassis, intrabat biċ-ċelebat u min jisħaq li dan, fl-aħħar mill-aħħar, huwa raġel tad-demm u l-laħam ukoll u għandu d-dritt li jagħżel ikollux mara viċin tiegħu jew le.

Li qassis jiżżewweġ ukoll, fl-opinjoni ta’ Dun Thuema,  mhix ħaġa prattika. Huwa ġab l-eżempju bl-istil ta’ ħajja li jgħix huwa stess fejn qal li, “ jien, li naħdem ħinijiet twal ħafna, għandi l-ommi d-dar li tant tieħu paċenzja bija imma li lill-mara u lit-tfal ma taharhomx, mhix xi ħaġa prattika. Min jaf kieku kemm niġġieled mal-mara. Fil-verità tafx x’ngħid – imbierka hija dik il-mara li ma żżewġitnix għax naħseb miegħi kienet tbati mill-aspett prattiku tas-sitwazzjoni,” qal bi tbissima l-Isqof t’Għawdex. 

Barra l-aspett prattiku għalih hemm dak interjuri, jiġifieri dak tal-valuri li tgħix dik it-tensjoni li ma tmur qatt  – li Alla huwa l-ewwel. 

Iċ-ċelebat huwa l-quċċata tal-formazzjoni ta’ saċerdot…

“Li saċerdot jiżżewwiġx jew le mhix sempliċiment kwistjoni ta’ jekk ikollux mara ma’ ġembu, ikollux ma’ min jagħmel is-sess, jew ikollux min iħobbu. Imma qassis ma jiżżewwġix minħabba t-tensjoni kontinwa li jkollu biex jgħix ħajtu kollha kemm hi orjentata lejn Alla,” kompla Dun Theuma.

Hawnhekk jgħid li jista’ jkun hemm mod ieħor, jiġifieri mhux bilfors ikun ċelebat, għax tista’ tkun xi ħaġa oħra imma l-Isqof iħoss li ċ-ċelebat huwa l-quċċata tal-formazzjoni ta’ saċerdot. “Ħa nkun sempliċi. Dan kulħadd se jmut waħdu, fis-sens li fl-esperjenza tal-mewt waħdek se tkun. Issa jekk tkunx miżżewweġ sitt darbiet jew le, ikollokx ħamsin tifel jew tifla, ikollokx ħutek… Fl-aħħar mill-aħħar l-esperjenza tal-mewt hija tiegħek waħdek,” spjega r-reliġjuż.

Qassis ma jiżżewwġix minħabba t-tensjoni kontinwa li jkollu biex jgħix ħajtu kollha kemm hi orjentata lejn Alla

L-esperjenza tal-mewt, skont huwa, se ġġibek mar-realtà ta’ veru għax il-mewt lilna tbeżżgħana minħabba li l-affarijiet kollha jinkixfu f’dak il-mument. F’dak il-mument qegħdin int u Huwa biss u għalhekk l-Isqof il-ġdid t’Għawdex iħoss li biċ-ċelebat, is-saċerdot, jgħix it-tensjoni li ħajtu u jgħaddiha aktar fl-intimità ma’ Ġesù.

“Jien inħobb lil Alla fuq kollox u fuq kulħadd u għalija din hija tensjoni. Din hija l-iskop tiegħi u qiegħed ngħixha kontinwament u dan il-proċess għadu għaddej. Irrid nikkonverti l-ħin kollu. Il-ħajja hija rigal ta’ Alla u rrid ngħixha sew, b’relazzjoni tajba miegħu għax fl-aħħar mill-aħħar miegħu se niltaqa’. Għalhekk inħoss li ċ-ċelebat huwa fundamentali biex ngħix f’dik it-tensjoni,” qal b’determinazzjoni l-Isqof Theuma.

Huwa qal li vera li hemm min jiżbalja imma huwa jagħmel distinzjoni bejn min jiżbalja għax waqa’ darba jew darbtejn u min jeħodha bħala stil ta’ ħajja. Sostna li, “jekk din issir bħala stil ta’ ħajja, ikun qiegħed jigdeb lilu nnifsu u aħjar jekk ikun sinċier li din mhix it-triq tiegħu. F’dan il-każ, minflok saċerdozju dak li jkun jista’ jaqdi xorta fil-Knisja, imma bħala raġel miżżewweġ”.

Hemm distinzjoni bejn min jiżbalja għax waqa’ darba jew darbtejn u min jeħodha bħala stil ta’ ħajja

Għal dan l-Isqof iż-żwieġ huwa importanti daqs is-saċerdozju u għalih m’hemm ebda differenza. Huwa stqarr li waħda mill-kriżijiet il-kbar li kellu meta daħal għas-saċerdozju kienet proprju din il-kwistjoni. Waħda mill-mistoqsijiet li kellu kienet dik li jekk huwiex se jsir saċerdot biex jiffranka mill-inkwiet taż-żwieġ.

“Niftakar lil Dun Ġużepp Bonnici li kien qiegħed jagħmlilna rtir qabel ma sirna djakni u għidtlu li għandi din il-problema. Qsamtha miegħu u rriflettejt ħafna fuqha. Fil-valuri ma narax differenza bejn is-saċerdoti u l-miżżewġin u tkun sfortuna jekk aħna ninponu fuqna nfusna. Aħna għandna ngħixu flimkien u naqblu ma’ xulxin biex ikoll flimkien, jekk jista’ jkun, inweġġgħu mill-inqas lil xulxin f’din il-ħajja biex imbagħad nilħqu l-għan tagħna li t-tmiem mhuwiex hawn imma mmorru x’imkien ieħor,” kompla l-Isqof t’Għawdex. 

Jekk jaqbilx li s-saċerdoti jiżżewġu jew le, min-naħa tiegħu, isostni li ma jkollux diffikultà jekk xi darba jħabbru li dan huwa permess. Dan għas-sempliċi raġuni illi, li tkun qassis mhux bilfors jeskludi li tkun miżżewweġ. Huwa semma’ kif hawn saċerdoti, fosthom Anglikani, li fil-fatt kienu miżżewġin u meta kkonvertew għall-Kristjaneżmu, dawn baqgħu miżżewġin. 

Allura fil-verità s-saċerdozju fil-miżżewġin jeżisti fid-dinja kemm f’dawk li kkonvertew mill-protestanteżmu għall-Kristjaneżmu u jeżisti wkoll fil-Kattoliċiżmu stess, fosthom dawk ta’ ritijiet Griegi. Dawn tal-aħħar jintalbu li, qabel ma jieħdu l-ordni sagri, jiżżewġu.

Share With: