Ir-Reġistru Marittimu Malti kważi rdoppja fl-aħħar 7 snin

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Dr Ian Borg ħabbar li filwaqt li l-bandiera żammet postha bħala l-ewwel fl-Ewropa u s-sitt waħda fid-dinja, għall-ewwel darba fl-istorja, ir-Reġistru Marittimu Malti kkwalifika mal-aqwa 20 reġistru fil-lista l-bajda tal-MoU ta’ Pariġi, fis-17-il post. Din il-lista turi l-wirja teknika tal-flotta u l-konformità ma’ konvenzjonijiet internazzjonali ta’ sigurtà, prevenzjoni ta’ tniġġis u kundizzjonijiet tax-xogħol għall-baħħara. Huwa ħabbar li Malta kisbet ukoll wirjiet tajbin fl-MoU ta’ Tokyo u fl-Amerika.

Il-Ministru Ian Borg qal li, “għall-ewwel darba, il-bandiera Maltija rreġistrat rata ta’ detenzjoni ta’ inqas minn 2%. Għandna reġistru li fl-aħħar 7 snin kważi rdoppja t-tunnellaġġ reġistrat, minn ftit iżjed min 42 miljun tunnellata fl-aħħar tal-2012 għal kważi 83 miljun tunnellata fl-aħħar tas-sena l-oħra. Minkejja żminijiet diffiċli għall-industrija, fl-2019 rajna tkabbir ta’ aktar minn 7% u rajna l-istess persentaġġ ta’ żieda anke fir-reġistrazzjonijiet ta’ superyachts.”

Huwa spjega kif fl-ewwel 6 xhur ta’ din is-sena kellna aktar minn 30 reġistrazzjoni ġdida f’din in-niċċa, numri inkoraġġanti immens. “Dawn ir-riżultati ma jġibux biss unuri, iżda ssarrfu wkoll f’żieda ta’ aktar minn 13% fl-introjtu f’munita barranija, hekk kif l-awtorità daħħlet aktar minn €22 miljun f’munita barranija f’sena waħda. L-industrija marittima tibqa’ pilastru ekonomiku li tiġġenera aktar minn 14% tal-Prodott Gross Domestiku u mpjiegi ta’ valur miżjud, u l-Gvern huwa kommess li jkompli jiddjaloga u jinvesti fil-ħaddiema u fit-teknoloġija favur iż-żamma ta’ standards ta’ kwalità, reputazzjoni u kunfidenza li dan ir-reġistru kiseb.”

Il-Ministru Borg tkellem ukoll dwar għadd ta’ kisbiet li saru fir-rigward ta’ diġitalizzazzjoni, fejn b’investiment ta’ €250,000 f’fondi Ewropej, ġie konkluż proġett ta’ dan it-tip li qed jintuża mill-Kumissjoni Ewropea bħala proġett pilota. Sadanittant, il-ministru ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin se jiġu varati żewġ inizjattivi oħra ta’ diġitalizzazzjoni filwaqt li l-awtorità se tkun qiegħda timplimenta proġett pilota favur l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ arkivji diġitali proprju f’dan id-direttorat. Il-ministru qal ukoll li fl-ispirtu tal-iżvilupp professjonali, f’dan l-aħħar żmien ġew żviluppati wkoll numru ta’ korsijiet għall-industrija tal-jottijiet kemm lokali kif ukoll internazzjonali.

Share With: