Ir-Russja qed tgħid li f’Ottubru se tibda tagħti l-vaċċin lin-nies kontra l-Covid19

Ilna aktar minn sitt xhur mindu l-Covid19 feġġ fl-Ewropa u aktar minn ħames xhur mindu dan fiġġ f’pajjiżna. L-istennija fl-aħħar ġimgħat kienet għal vaċċin. Ħarġu ħafna aħbarijiet dwar it-tellieqa li għaddejja minn fabbriki kbar tal-farmaċewtika biex jiżviluppaw dan il-vaċċin. Hemm ukoll il-prestiġju ta’ min se joħroġ bih l-ewwel. Ħafna pajjiżi ħadmu fuq dan u ppruvaw kemm jistgħu jaqtgħu l-burokazija biex il-vaċċin jaslu għalih malajr kemm jista’ jkun. Tqum il-mistoqsija dwar fejn se twassalna l-għaġġla. Se jkollna vaċċin sigurt kif suppost u effettiv, hi mistoqsija li qed issir b’mod kontinwu.

Ġimgħat ilu kien issemma’ li fir-Russja kienu żviluppaw vaċċin li jista’ joffri protezzjoni kontra l-Covid19.

Issa ir-Russja għadha kif ikkomunikat li wasal biex jitlesta vaċċin. Ma waqfitx hemm imma ħabbret li dan se jibda jitqassam minn Ottubru fir-Russja. Se jitqassam l-ewwel lill-vulnerabbli u l-anzjani.

Din l-aħbar li ħafna nies laqgħuha b’ferħ għax qed jarawh bħal dak id-dawl fit-tarf tal-mina, xaqq ta’ dawl biex ittemm il-biża u l-inċertezza li ħoloq dan il-virus, ma ntlaqgħetx bl-istess mod minn għadd ta’ xjentisti. Filfatt kienu diversi dawk ix-xjentisti madwar id-dinja li esprimew ix-xettiċiżmu tagħhom dwar din l-aħbar mir-Russja.

Per eżempju, Lawrence Gostin, xjentist f’Georgetown qal li “ninsab imħasseb u inkwetat b’dak li ħabbret ir-Russja. Naħseb li r-Russja qed tgħaġġel u dan se jwassal biex il-vaċċin mhux biss ikun ineffettiv imma anke ma jkunx sigur. L-affarijiet ma jaħdmux kif saru mir-Russja. L-ewwel iridu jsiru it-testijiet. Dawk huma importanti ħafna”.

Minn naħa tiegħu, Kirill Dmitriev, il-Kap tar-Russia Direct Investment Fund, li ħarġu l-fondi neċessarji, qal li l-vaċċin mistenni jkunu żviluppat mill-Gamaleya Research Institute li jinsabu f’Moska. Qal li dan mistenni jkun approvat fil-jiem li ġejjin u dan hekk kif tintemm it-tielet fażi ta’ testijiet.

Il-Ministru għas-Saħħa Rusa, Mikhail Murashko qal li “persuni f’riskju bħal ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, jistgħu jiġu offruti dan il-vaċċin matul dan ix-xahar. Hu ma speċifikax jekk il-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa hux se jkunu parti mit-tielet fażi.

Id-Deputat Prim Minisstru Tatyana Golikova, wegħdet li l-produzzjoni industrijali tal-vaċċi se tinbeda f’Settembru u l-vaċċin jibda jingħata lill-popolazzjoni f’Ottubru.

Esprima ċertu xettiċiżmu, Dr Anthony Fauci, li hu speċjalist fil-mard infettiv fl-Istati Uniti. Hu ddikjara li “nittama li r-Russi qegħdin jittestjaw il-vaċċin, qabel iqassmuh lin-nies.”  Esperti oħra fl-Istati Uniti, ir-Renju Unit u l-KAnaa ukoll kienu xettiċi.

Minn naħa tagħhom, ir-Russi qalu li jinsabu fl-aħħar fażi tal-vaċċin, fejn qed isiru t-testijiet biex jikkonfermaw li l-vaċċin mhux se jkun qed jagħmel ħsara.

 B’kollox kien hemm 38 voluntier li provaw il-vaċċin fejn jidher li kollox mar sew u bnew immunità għall-virus.

Il-pass mgħaġġel li bih imxiet ir-Russja qajjem dubji kbar. Ix-xjentist f’Sechenov, Vadim Tarasov qal li l-pajjiż kellu 20 sena ta’ esperjenza fis-settur tal-viruses u għalhekk kienu ppreparati sew.

Apparti r-Russja, hemm ukoll l-Ingilterra u l-Istati Uniti li qalu li b’suċċess ħolqu vaċċin u mistennija jlestuhom fil-bidu tas-sena d-dieħla.

Share With: