“Irridu nsibu bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija”

Isostni dan is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja hekk kif illum il-Prim Ministru Robert Abela jindirizza l-MCESD dwar il-Covid19

Il-GWU se tinsisti li l-pajjiż isib bilanċ bejn l-aspett tas-saħħa u dak ekonomiku fir-reazjoni tiegħu għall-impatt li qed iħalli fuqu l-Covid19.

Hekk sostna s-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja meta mitlub jagħti r-reazzjoni tiegħu għal-laqgħa li se ssir illum fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD).

Is-suġġett tal-laqgħa se jkun proprju l-Covid19 bl-imsieħba soċjali se jkunu indirizzati mill-Prim Ministru Robert Abela u d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.

Bugeja spjega kif il-GWU kienet waħda mill-ewwel għaqdiet li talbu din il-laqgħa fuq il-Covid19 u dan sa minn qabel li reġa’ kien hemm żieda fil-każijiet.

Huwa qal li jistenna li l-Gvern jagħti d-direzzjoni ta’ fejn irid imur u x’beħsiebu jagħmel waqt li l-għaqdiet tal-ħaddiema u dawk li jirrappreżentaw lil min iħaddem jagħtu stampa ta’ kif sejrin il-postijiet tax-xogħol u x’qed iħassibhom.

Bugeja nsista li dawn it-tip ta’ laqgħat għandhom isiru b’mod aktar frekwenti u mhux darba kultant.

Huwa għamilha ċara li l-GWU ma taqbilx li jkun hawn xi ‘lockdown’ jew għeluq ta’ postijiet tax-xogħol imma taqbel mad-deċiżjoni tal-Gvern li jwaqqaf l-attivitajiet tal-massa.

Bugeja sostna li rridu nkunu realistiċi u nirrealizzaw li r-realtà l-ġdida li qed ngħixu mhix dik li konna qed ngħixu qabel faqqgħet il-pandemija.

Waqt li saħaq li l-poplu għandu jirrispetta d-distanza soċjali, jilbes il-maskri u jieħu ħsieb l-iġjeni biex jipproteġi lilu u lil ta’ madwaru, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU semma li ħafna postijiet qed jimxu mad-direttivi imma oħrajn li le.

Huwa għalhekk li fil-laqgħa tal-MCESD il-GWU kienet se tisħaq fuq id-dixxiplina fost il-poplu.

Bugeja enfasizza li dan huwa importanti għax il-pajjiż ma jaffordjax li jerġa’ jkollna ‘lockdown’.

Huwa semma kif ir-rota ekonomika reġgħet bdiet iddur, grazzi anke għall-vawċers li qed jagħmlu differenza kbira, u l-isfida hija li jinstab bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija.

Kien għalhekk li reġa’ saħaq li attivitajiet tal-massa mhux posthom għalissa ħalli ma nerġgħux nirriskjaw li s-sitwazzjoni tmur lura b’dannu għal kulħadd.

Share With: