“Is-sitwazzjoni hija kompletament taħt kontroll … ejjew nieħdu pjaċir bil-ġid li qed jinkiseb”

Il-PM u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela intervistat waqt il-programm ‘Pjazza’

Il-PM u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela intervistat waqt il-programm ‘Pjazza’

Posted by Partit Laburista on Monday, August 3, 2020

Waqt intervista fuq il-programm Pjazza fuq One, il-Prim Ministru beda biex jgħid li l-influss ta’ immigranti huwa inqas minn dak tas-sena li għaddiet fl-ewwel xhur tas-sena. Huwa għamilha ċara li din mhijiex skuża u li hu wkoll jinsab imħasseb dwar l-immigrazzjoni. Huwa spjega li l-liġijiet tal-immigrazzjoni ma għamilhomx hu u li dawn saru fis-snin preċedenti. Qal li min-naħa tiegħu se jibqa’ jaħdem biex tiġi kontrollata din il-problema tant sensittiva.

Tkellem dwar sitwazzjoni ta’ dgħajsa b’persuni li jew jitħallew jegħrqu jew tagħti s-salvataġġ. Abela qal li qiegħed jagħmel minn kollox biex dawn ma jiddaħlux pajjiżna. Qal li minkejja l-influss ta’ immigranti hemm numru ħafna akbar ta’ immigranti li qed imorru lejn Lampedusa jew lura lejn il-Libja.

Tkellem dwar id-deċiżjoni li tħalli lil dawn in-nies jinżlu u żżomm fuq il-kuxjenza tiegħek il-ħajja ta’ kull persuna abbord kif ukoll taffaċċja proċeduri legali assoċjati ma’ l-immigrazzjoni. Abela ċaħad kategorikament li l-pakkett finanzjarju li pajjiżna rnexxielu jikseb fl-aħħar xhur b’kundizzjoni li pajjiżna jdaħħal aktar immigranti.

Abela tkellem dwar l-għajta ta’ protesta u qal li din tkun tagħmel sens li kieku s-sentiment tiegħu mhuwiex dak tan-nies. Abela spjega li minkejja dan kollu wieħed irid jifhem li hemm ċertu obbligi li pajjiżna huwa mitlub jassisti lil dawn il-persuni.

Abela tkellem dwar l-istatistika maħruġa mill-awtoritajiet fejn saret distinżjoni bejn l-immigranti li rriżultaw pożittivi u l-istatistika li turi l-ammont ta’ persuni infettati minn fost il-poplu Malti u Għawdxi. Abela qal li kien hemm minn prova jieħu vantaġġ minn din id-deċiżjoni meta din l-għażla saret biex l-istatistika ta’ pajjiżna bħala pajjiż sigur ma tkomplix tittebba’ biex b’hekk ma ssirx ħsara fuq is-settur turistiku.

Abela tkellem dwar il-possibbilità ta’ għeluq totali li jwassal għal kollass fl-ekonomija. Qal li minkejja li kellna żieda fin-numru s-sitwazzjoni hija kompletament taħt kontroll. Il-Prim Ministru qal li rridu nidraw ngħixu f’dan l-ambjent, iżda li nipprevjenu li pajjiżna ma jkunx jista’ jlaħħaq. Abela qal li bħala pajjiż konna prudenti u l-faċilitajiet kollha li ntramaw f’każ ta’ kull eventwalità baqgħu hemm u se jibqgħu hemm biex inkunu preparati.

Abela qal li minkejja li fl-aħħar jiem kien ftit ‘il bogħod mill-midja huwa ma waqafx milli jieħu d-deċiżjonijiet. Huwa qal li jeħtieġ li lkoll nieħdu pjaċir bil-ġid li qed jinkiseb. Huwa qal li dan il-gvern se jkompli jaħdem biex jindirizza kull problema u mhu se jħalli lil ħadd ikisser l-ekonomija ta’ pajjiżna. Abela rrepeta mill-ġdid b’sens ta’ ambizzjoni li llum tajjeb u li għada se jkun aħjar mil-lum. Il-Prim Ministru qal li n-nies għandhom ikomplu jgawdu filwaqt li dan il-gvern li kien fdat biex imexxi jkompli jsolvi l-problemi.

Share With: