Isofri ġrieħi serji wara li tilef il-kontroll tal-mutur u tkaxkar għal diversi metri fil-Munxar

Raġel Taljan ta’ 51 sena residenti l-Munxar, Għawdex, kellu jittieħed b’emerġenza l-Isptar Ġenerali t’Għawdex wara li kmieni dalgħodu kien involut f’inċident tat-traffiku. Kienu għall-ħabta tal-00:15 a.m, xħin il-Pulizija ġiet infurmata permezz ta’ telefonata li hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq ix-Xlendi, il-Munxar, Għawdex.

Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post, fejn minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li t-Taljan kien qiegħed isuq mutur tat-tip Ducati meta għal xi raġuni tilef il-kontroll u waqa’. Il-mutur u s-sewwieq baqgħu jitkaxkru għal diversi metri sakemm ħabtu ma’ vettura Toyota Starlet li kienet tinsab ipparkjata. 

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lis-sewwieq tal-mutur l-Isptar Ġenerali t’Għawdex sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard, ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji. 

Bil-każ ġiet infurmata l-Magistrat tal-Għassa Simone Grech li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti biex jassistuha. 

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin. 

Share With: