Jeffrey Farrugia huwa l-president il-ġdid ta’ Sliema Wanderers … imħabbra aktar akkwisti mill-Blues

Jeffrey Farrugia, magħruf aħjar bħala l-“Vinċ”, huwa l-president il-ġdid ta’ Sliema Wanderers wara li llum intlaħaq ftehim mat-tmexxija tal-ex president Keith Perry.

Perry, li serva lill-club għall-aħħar sni, f’din il-kariga, issa se jkun qed jokkupa kariga ta’ chairman responsabbli mill-proġetti kollha tal-club.

Għal Farrugia din se tkun esperjenza ġdida fil-football lokali wara dawk li kellu fil-passat ma’ Hibernains, Birkirkara, Mosta u Floriana fost l-ohrajn.

Intant, Sliema Wanderers, komplew bil-kampanja akkwisti tagħhom ta’ ċertu livell fejn wara li nhar is-Sibt li għadda, ippreżentaw lill-player ta’ fama mondjali Denilson, il-Ġimgħa kien imiss li jippreżentaw tliet players oħra.

L-ewwel huma ppreżentaw lid-difensur ċentrali ta’ 24 sena Hugo Miguel Carambola Meira.

Din se tkun l-ewwel esperjenza barra minn pajjiżu għal Meira hekk kif huwa ġej minn esperjenzi ma’ clubs differenti fil-Portugall. Fil-fatt Meira huwa prodott tal-akkademja ta’ Sporting Clube de Portugal fejn magħhom lagħab sakemm kellu 19-il sena.

Barra minn hekk huwa lagħab ma’ Real SC, GD TourizenseSport Uniao Sintrense – Futebol, SADGd Peniche, GDRC Ponterrolense u l-istaġun li għadda ma’ C.F. Os Armacenenses.

Imbagħad huma ppreżentaw l-akkwist tal-midfielder mill-Peru, Allesandro Milesi.

Dan il-player huwa prodott ta’ Club Depotivo Esther Grande De Bentin tal-Peru, Milesi, li għandu wkoll ċittadinanza Taljana, ingħaqad ma’ Brescia fejn lagħab mal-iskwadra tal-Primavera qabel intbagħat b’self mal-club tas-Serie C Sicula Leonzio.

Il-kuntratt tiegħu ma’ Brescia ġie fi tmiemu qabel beda l-istaġun li għadda b’Milesi jagħżel li jivvjaġġa lejn l-Istati Uniti fejn sa Diċembru li għadda kien parti mill-iskwadra ta’ Miami FC.

Fil-passat Milesi kien parti minn skwadra taħt il-15-il sena li rebħet midalja tad-deheb fis-Summer Youth Olympics li saru f’Nanjing fl-2014.

Dan sabiex iktar tard huma ppreżentaw ukoll lill-midfielder Ġappuniż, Riki Kakinuma.

Dan il-player li għandu 20 sena ġej mill-akkademja ta’ Getafe C.F. u kellu esperjenzi wkoll ma’ Alcalá u FC Lugano U21.

Share With: