Jiftaħ l-istaġun tal-qtugħ tal-għeneb għall-għasir

F’attività li saret fl-Imtarfa, il-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, flimkien mad-Direttorat tal-Agrikoltura, fetaħ uffiċjalment l-istaġun tal-qtugħ tal-għeneb għall-għasir.

Huwa faħħar lill-bdiewa għal ħidmiethom u fakkar kemm dan is-settur issaħħaħ f’dawn l-aħħar snin. F’Malta u Għawdex hawn madwar 460 ettaru dwieli, li l-biċċa l-kbira tagħhom hija għal produzzjoni tal-inbid, li kollha huma rreġistrati mad-Direttorat tal-Agrikoltura. Il-Ministru saħaq kemm huwa importanti li l-poplu Malti u Għawdxi jirrikonoxxi x-xogħol involut wara l-produzzjoni sakemm finalment ikollna prodott lokali ta’ kwalità għolja. Il-Ministeru jagħraf dan il-proċess u jaf kemm jinvolvi ħafna xogħol, kemm mill-bdiewa u kemm mill-għassara.

Ix-xogħol tad-Direttorat tal-Agrikoltura għandu responsabbiltà li jsegwi u jiċċertifika l-proċess tal-produzzjoni. Illum il-ġurnata, għandna 19-il għassar u 11-il produttur tal-inbid ta’ kwalità DOK u IĠT, fejn 90 fil-mija ta’ dan l-inbid jitkabbar f’pajjiżna.

Tkellem ukoll id-Direttur għad-Direttorat tal-Agrikoltura Saviour Debono Grech. Huwa qal li hawn ’il fuq minn 800 bidwi rreġistrat mad-Direttorat bejn part-time u full-time li jkabbru d-dwieli u li fil-maġġor parti ta’ dawn il-vinji l-għeneb li jitkabbar huwa esklussivament għall-inbid, filwaqt li ta wkoll informazzjoni dwar il-varjetajiet differenti tal-għeneb li hawn lokalment.

Il-Ministru Refalo temm id-diskors tiegħu u qal kemm dan is-settur agrikolu Malti laħaq livell għoli u sodisfaċenti, għandu rabta diretta mat-territorju Malti u Għawdxi, u li ma rridux ninsew li dan il-prodott huwa mfittex ħafna mit-turisti li jżuru l-gżejjer Maltin. Grazzi għall-għaqal u d-dedikazzjoni tal-bdiewa u l-ħidma tal-Ministeru, il-kwalità hija rikonoxxuta anke mill-Unjoni Ewropea, li tkompli tgħolli lis-settur agrikolu Malti internazzjonalment.

Share With: