Jindarab gravi wara ħabta bejn żewġ muturi f’Santa Venera

Raġel ta’ 43 sena residenti Ħ’Attard, ilbieraħ filgħaxija ttieħed b’emerġenza l-Isptar Mater Dei, wara li kien involut f’inċident tat-traffiku f’Santa Venera.

Kienu għall-ħabta tat-8:00 p.m, xħin il-Pulizija ġiet infurmata li seħħet ħabta fi Triq Reġjonali, taħt il-mini ta’ Santa Venera.

Il-Pulizija tad-Distrett tal-Ħamrun marru mill-ewwel fuq il-post u minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li kienet seħħet ħabta bejn mutur tal-għamla Piaggio misjuq mir-raġel ta’ 43 sena u mutur ieħor, li telaq minn fuq il-post tal-inċident.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna, bis-sewwieq tal-mutur ittieħed l- isptar b’ambulanza. Iktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja, waqt li qed ssir tfittxija għall-mutur involut fil-ħabta.

Share With: