Jinfetaħ il-ħames swabbing centre f’pajjiżna

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne żar il-ħames swabbing centre f’pajjiżna, li qed jopera mill-isptar St Thomas f’Ħal Qormi.

Dan l-iswabbing centre se jkun qiegħed jiżdied ma’ dawk diġà eżistenti f’Ħal Luqa, Pembroke, l-Isptar Mater Dei u Għawdex, biex b’hekk tintlaħaq id-domanda għall-iswabs u fl-istess ħin isiru aktar swabs.

Fil-fatt, illum pajjiżna laħaq il-150,000 swab minn meta bdiet l-imxija tal-Covid-19, filwaqt li fl-aħħar 24 siegħa ġie rreġistrat numru rekord ta’ swab tests, b’total ta’ 2,485.

“Sa mill-bidu nett tal-imxija, bdejna nagħmlu numru ta’ swab tests, li huwa kruċjali biex jinqabdu l-każijiet pożittivi. B’din l-istrateġija, il-każijiet pożittivi jinqabdu kemm jista’ jkun kmieni u jiġu iżolati. Wara, permezz tal-contact tracing, jitpoġġew fi kwarantina l-persuni li kellhom kuntatt magħhom u b’hekk kemm jista’ jkun l-imxija ma tibqax tinxtered,” qal id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne.

Huwa rringrazzja lit-tmexxija tal-isptar St Thomas li ngħaqdu mas-settur tas-saħħa pubbliku biex flimkien jiġi offrut l-aħjar servizz għall-poplu Malti. Irringrazzja wkoll lill-ħaddiema kollha fil-qasam tas-saħħa f’dawn iż-żminijiet, speċjalment dawk fl-iswabbing centres, fil-qasam tas-saħħa pubblika u fil-laboratorji.

Share With: