Jinħatru 31 Spettur tal-Pulizija

F’ċerimonja li saret dalgħodu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Floriana, 31 uffiċjal ġew ippreżentati biċ-ċertifikati tal-ħatra fil-grad ta’ spettur tal-Pulizija. Tlieta mill-31 uffiċjal ħadu l-ġurament bħala membri ġodda tal-Korp tal-Pulizija. B’kollox inħatru 25 raġel u 6 nisa.
Iċ-ċerimonja ta’ promozzjoni kienet ippreseduta mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l- Infurzar tal-Liġi, Dr Byron Camilleri u mill-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà.
Fid-diskors tiegħu l-Ministru Byron Camilleri ħeġġeġ lill-ispetturi ġodda biex jieħdu l-inizjattiva u jkunu huma li joħorġu hemm barra u jagħmlu d-differenza. Huwa spjega kif illum qed ngħixu f’soċjetà moderna fejn il-komunikazzjoni hija għodda essenzjali, għalhekk il-Korp tal-Pulizija jeħtieġ ikollu komunikazzjoni regolari mal-komunità biex ikun aktar effettiv f’ħidmietu. Il-Ministru faħħar is-suċċess li kiseb il-Korp f’dawn l-aħħar jiem u fil-messaġġ tiegħu appella lill-ispetturi biex ikunu l-muturi għall- ħidma favur pajjiż iktar sikur.
Il-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà, qal li l-ispetturi l-ġodda jridu jagħfsu aktar fuq l- effiċjenza u l-effettività, waqt li fakkarhom fid-dixxiplina u l-kontabbilita. “Huwa b’dan il-mod biss li nistgħu nirbħu l-fiduċja tan-nies. Araw li l-pulizija mhux biss ikunu fit-toroq, imma fuq kollox ingaġġaw man-nies. Qisu lill-pubbliku bħala s-sieħeb strateġiku fl-operat tal-Korp. Kunu empatiċi mal-vittmi tal-
kriminalità u araw li dawn verament jingħataw l-attenzjoni neċessarja”, qal il-Kummissarju tal-Pulizija.
Il-Ministru Camilleri u l-Kummissarju Gafà, awguraw lill-ispeturi l-ġodda għal dan il-pass importanti fil- karriera tagħhom.
Wara din il-ħatra, l-ispetturi se jattendu kors ta’ sentejn fl-Università ta’ Malta.

Share With: