“Kburi li ma kontx biss baħħar tal-bnazzi”

Il-Pandemija

Meta kien qiegħed iwieġeb lill-ġurnalist ta’ Lovin Malta, il-Prim Ministru Robert Abela beda biex jgħid li bħala Gvern ma għamel l-ebda kundizzjoni fuq il-midja minkejja l-pakkett finanzjarju li ħareġ bħala għajnuna fi żmien il-pandemija.

Il-Prim Ministru qal li ma kellniex gwida ta’ fuq kif wieħed irid jimxi f’din is-sitwazzjoni u li din il-pandemija ġiet fuqna għall-għarrieda ftit ġimgħat wara li ħadd ma kien qiegħed jagħti każ dak li kienet għaddejja minnu ċ-Ċina.

Meta mistoqsi dwar kampanja ta’ pajjiżna bl-anqas rata ta’ infezzjonijiet, il-Prim Ministru qal li din l-istatistika hija minna u li pajjiżna għandu wkoll l-anqas rata tal-imwiet. Rigward l-impjiegi, il-Prim Ministru qal bis-saħħa tal-pakketti finanzjarji, pajjiżna rnexxielu jsalva ħafna mpjiegi.

Qal li dan il-gvern kellu jsib bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija. Abela qal li kull deċiżjoni li ttieħdet mis-7 ta’ Marzu sa issa kienet iġġib il-firma tiegħu, tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika u tal-Ministru tas-Saħħa.

L-immigrazzjoni

Rigward is-suġġett tal-immigrazzjoni, il-Prim Ministru qal li l-immigrazzjoni qed toħloq piż sproporzjonat fuq il-pajjiż u fuq ċertu lokalitajiet aktar minn oħrajn. Il-Prim Ministru qal li fl-aħħar xhur, jekk wieħed jagħmel paragun bejn Malta u Lampedusa huwa fatt li pajjiżna rnexxielu jikkontrolla s-sitwazzjoni. Qal li l-armata tagħna qed tagħmel minn kollox biex tikkordina s-salvataġġ.

Qal li dan il-gvern qed jaħdem biex inaqqas il-wasliet tal-immigranti f’pajjiżna. Qal li l-ewwel parti hi li żżomm l-immigranti milli jitilqu mil-Libja. Qal li mbagħad dawk li jitilqu, ikollok tieħdu deċiżjoni tħallix lil dawn l-immigranti jmutu jew issalvahom. Mhux biss, qal li mhux kull dgħajsa li tidħol se tkun qed tidħol fil-komunità. Tkellem dwar il-pjan ta’ rilokazzjoni biex niġu assistiti fir-rilokazzjoni ta’ dawn l-immigranti li nsalvaw.

Tkellem dwar l-importanza ta’ iżjed Pulizija fit-toroq. Qal li n-nies tagħna ma jistgħux jibżgħu joħorġu fit-triq għax hu Prim Ministru tal-Maltin u l-Għawdxin u li għalkemm l-integrazzjoni hija importanti, niesna jibqgħu l-prijorità. Kien għalhekk li appella biex il-forzi tal-ordni jibqgħu hemm barra u jkomplu jħarsu lill-poplu kollu.

Ħidma kontinwa sa mill-ewwel ġurnata fil-kariga ta’ Prim Ministru

Meta mistoqsi dwar il-ħafna sfidi li kellu jaffaċċja sa mill-ewwel ġurnata tiegħu fit-tmexxija, Abela qal li hu kburi li l-poplu Malti tah il-fiduċja biex imexxih. Qal li sa mill-ewwel ġurnata ħadem fuq li ħadem. Tkellem dwar il-messaġġi konsistenti ta’ governanza tajba ta’ dan il-gvern immexxi minnu. 

Abela qal li hu kburi li ħa t-tmun ta’ dan il-pajjiż u li ma kienx biss baħħar tal-bnazzi. Il-Prim Ministru tkellem dwar affarijiet li seta’ għamel aħjar fejn qed ngħixu f’mument li jekk tkun supperv jew ma tkunx lest tbiddel id-direzzjoni tkun qed tiżbalja. Hija sitwazzjoni li trid taġġusta għal dak li ġej, iżda kburi li ta dak kollu li seta’ għall-poplu. Ikkonferma li hu se jibqa’ jaħdem f’għaqda nazzjonali. Spjega li hu diżappuntat li kien hemm minn qaleb din is-sitwazzjoni tal-pandemija f’waħda politika. 

Huwa awgura kemm lil Adrian Delia kif ukoll Bernard Grech fil-ħidma tagħhom u l-kariga li jistgħu jkunu qed jokkupaw. Fl-aħħar mill-aħħar qal li l-politika hija sabiħa għax tista’ tagħmel ħafna ġid għan-nies.

https://www.facebook.com/watch/?v=302529967507477&extid=4EeRxaQCD9rgmej8

Share With: