Kevin De Bruyne l-Player tas-Sena tal-Premier League

Il-midfielder ta’ Manchester City, Kevin De Bruyne, ġie magħżul il-Player tas-Sena 2019-20 tal-Premier League, biex sar biss it-tielet Belġjan li rebaħ dan il-premju għall-aqwa player tal-kampjonat.

De Bruyne, 29 sena, ipproduċa 20 assists fil-kampjonat, u b’hekk laħaq ir-rekord għall- iktar assists fi staġun tal-Premier League stabbilit mill-attakkant ta’ Arsenal, Thierry Henry, fl-2002-03.

Huwa wkoll skorja 13-il goal iżda ma setax jgħin lis-City jiddefendu l-kuruna tagħhom fl-ogħla diviżjoni, bit-team ta’ Pep Guardiola jispiċċa 18-il punt wara ċ-champions Liverpool.

Biex rebaħ dan il-premju De Bruyne għeleb lit-trio ta’ Liverpool, Jordan Henderson, Sadio Mane u Trent Alexander-Arnold, l-attakkant ta’ Southampton Danny Ings, ir-rebbieħ taż-Żarbun tad-Deheb ta’ Leicester City, Jamie Vardy, u l-goalkeeper ta’ Burnley, Nick Pope.

L-ex kollega tiegħu fit-team tas-City, Vincent Kompany u l-ex winger ta’ Chelsea, Eden Ha­zard, huma ż-żewġ Belġjani l-oħra li fil-passat rebħu dan l-unur prestiġjuż.

Iż-żewġ unuri prinċipali l-oħra marru għand Liverpool meta Jurgen Klopp rebaħ dak ta’ Manager tas-Sena u Trent Alexander-Arnold rebaħ il-Player tas-Sena Żagħżugħ.

Share With: