Alfred Sant

KLIJENTELIŻMU

Miktub minn ALFRED SANT

Is-sistema politika Maltija – imma mhux tagħna biss – hi mibnija fuq il-klijenteliżmu. Fit-taħdit dwar bidliet kostituzzjonali li kellhom? sejrin? isiru, forsi ta’ min idaħħal riflessjoni dwar dil-ħaġa u dwar kif tiġi inkoraġġita mis-sistema elettorali eżistenti. Talanqas tkun waħda mid-diskussjonijiet li ma jkunux ħadu n-nifs mill-indħil Ewropew fil-politika Maltija. 

Biex jitla’, kull deputat jibni l-magna personali tiegħu bbażata fuq id-distrett. Jekk jitla’, jkun irid iżommha għaddejja. Jekk isir ministru, idaħħal miegħu u jsib fejn jippostja l-membri tagħha  bħala persuni ta’ fiduċja jew mod ieħor, fil-ministeru jew fil-korpi li jaqgħu taħtu. Meta jibdlulu l-ministeru, se jsib il-ġdid tiegħu diġà mimli bin-nies li kellu ta’ qablu. B’xi mod irid jibdilhom ħalli jagħti kenn lil tiegħu.

Did-dawra durella xejn ma tagħmel ġid. Forsi tinqata’ jekk Malta u Għawdex isiru distrett wieħed u jitilgħu dawk id-deputati li jġibu l-aktar voti mal-pajjiż kollu. Hekk jagħmlu f’Iżrael. Problema tkun li l-polza tal-vot issir enormi fit-tul. Min-naħa l-oħra, t-tħaddim ta’ kwoti jsir aktar sempliċi.

QED JONQSU L-IMWIET?

Ċerti rapporti dwar it-tieni mewġa tal-imxija corona virus fl-Ewropa donnhom qed jindikaw li għalkemm din baqgħet infettiva daqskemm kienet għall-ewwel, jekk mhux aktar, fl-istess ħin qed issir anqas qerrieda – il-fejqan minnha żdied u l-imwiet naqsu relattivament.

Ma nafx kemm hu ta’ min jorbot fuq konklużjoni bħal din, aktar u aktar għax il-mod kif l-imxija qed tiġi sorveljata u miġġielda m’għadux bħal fl-ewwel xhur; il-mezzi u l-metodi ta’ ħarsien u kura ssaħħu sew. Terġa’, dawk li kienu l-aktar vulnerabbli laħqu mietu u li baqa’ minnhom, x’aktarx li qed ikunu mgħakksa anqas. 

Fl-aħħar mill-aħħar, dan kollu għadu spekulazzjoni.

IL-MIDJA STAMPATA

Ma nafx kemm ġara li minħabba l-imxija għaddejja, naqas il-bejgħ tal-gazzetti stampati. L-aktar li jixtruhom huma nies ta’ ċerta età. Huma kienu fost l-aktar imħeġġa – u għadhom – li jibqgħu d-dar. 

L-alternattiva kienet li jduru fuq l-internet lejn l-istess gazzetti kif jinħarġu qishom kienu stampati: tabbona u tniżżilhom. Waqt li n-numru ta’ abbonati żdied, issupera n-numru ta’ nies li sempliċement ma baqgħux jixtru l-ħarġiet stampati? Wara kollox, hu magħruf kif numru sostanzjali ta’ anzjani mhumiex midħla tal-mezzi elettroniċi. 

Iċ-ċaqliq tal-midja informattiva lejn dawn il-mezzi jidher li ħa rankatura li ma tistax titwaqqaf. Diffiċli tbassar sa fejn jista’ jasal dan l-iżvilupp. F’pajjiżi oħra, l-midja stampata rnexxielha tittrasforma ruħha b’suċċess f’għodda elettronika, għalkemm mhijiex ħaġa żgura li waqt li għamlet hekk, sostniet il-karattru tagħha. F’Malta għaddej l-istess proċess. Sa fejn se jwassal?  

Share With: