Kollox jindika li Malta se tistenna t-tilqima li tapprova l-UE

Minn CARMEN CACHIA

Tisfuma t-tama ta’ ħafna nies li se jieħdu fi żmien qasir it-tilqima tar-Russi għall-Covid-19

Filwaqt li ħarġet l-aħbar li r-Russja rnexxielha toħloq l-ewwel tilqima sigura u effiċjenti kontra l-Covid-19, kollox qiegħed jindika li pajjiżna se jkun qiegħed jistenna t-tilqima approvata mill-Unjoni Ewropa. 

It-tama li ħolqot it-tilqima “Sputnik-V”, li mistennija tkun disponibbli għal pajjiżi barra r-Russja f’Novembru li ġej, tista’ ma tapplikax għalina għax il-Gvern se jimxi ma’ dik tal-UE. Minn indikazzjonijiet li hemm, it-tilqima tal-Unjoni Ewropea mhix mistennija toħroġ qabel tmiem is-sena jew fil-bidu tas-sena d-dieħla. 

Sadanittant, il-ministri tas-saħħa tal-blokk Ewropew qegħdin jaqblu ma’ dak li ddikjara l-Ministru tas-Saħħa Ġermaniż fejn sostna li t-tilqima mir-Russi ma ġietx ittestjata biżżejjed u li l-UE trid li mhux tkun minn tal-ewwel li tlaqqam lin-nies, iżda li jkollha prodott sigur.

Dan il-ġurnal talab kumment lill-Ministeru tas-Saħħa dwar din it-tilqima mħabbra minn Vladimir Putin u l-uffiċċjal tal-komunikazzjoni qalet li bħalissa qegħdin jirċievu ħafna domandi u mhuwiex possibbli li jagħtu tweġiba mil-lum għal-lum.

Share With: