Koppja fi Florida bi proċeduri l-Qorti kontra sptar li tilfilhom lit-tarbija li mietet wara tlett ijiem fi Frar u li għadha ma nstabitx

Il-koppja Kathryn u Travis Wilson minn Gibsonton fi Florida għaddejjin bi proċeduri l-Qorti kontra l-Isptar St Joseph hekk kif qegħdin isostni li l-ħaddiema tal-isptar tilfu ġisem it-tarbija tagħhom Jacob Wesley, li miet fit-28 ta’ Frar – tlett ijiem wara li twieled. Il-koppja kienet qiegħda tippjana l-arranġamenti għall-funeral fil-11 ta’ Marzu, meta ġew informati li l-ġisem tat-tarbija kien mitluf. 

Min-naħa tagħha, il-kumpanija li jifforma parti minnha l-isptar – BayCare Health System ħarġet stqarrija ta’ apoloġija lill-koppja għal din it-telfa. Qalet li hi investigat b’kull mod u qiegħda tikkopera biex tinstab it-tarbija. 

Skont il-każ imressaq il-Qorti, wara li t-tarbija mietet, l-isptar kera trasport biex il-ġisem jittieħed għal awtopsja. Minn hemm, il-ġisem irritorna lejn l-isptar imkebbeb f’lożor u f’basket apposta. L-isptar informa lill-omm biex tagħmel l-arranġamenti għall-funeral. 

L-għada, il-koppja ltaqgħu ma’ persuna li torganizza l-funerali u ċemplu l-isptar biex jagħtuhom id-dettalji. Ħamest ijiem wara, il-koppja rċevew telefonata fejn informawhom li l-ġisem ta’ binhom kien għeb. 

Il-koppja qegħdin ifittxuhom għal aktar minn $30,000 f’danni għal negliġenza u talli ħolqulhom stress emozzjonali bla bżonn minħabba t-traskuraġni. Il-koppja qed jgħidu li sofrew ukoll trawma fiżika u psikoloġika minn dan l-inċident. 

Share With: