L-2020 s’issa: l-Ambjent u l-Ippjanar

B’dak kollu li għaddej bħalissa madwarna, l-oqsma tal-ambjent u l-ippjanar qed jieħdu importanza partikolati f’ħajjitna. L-imxija tal-COVID-19 ġabet magħha għarfien ġdid fuq l-ambjent tagħna u ressqitna aktar lejh. Rajna kemm hija mportanti li jkollok pajjiż reżiljenti li jiflaħ għal sfidi bla preċedent u fuq l-importanza tal-iżvilupp sostenibbli. Hawn se natu ħarsa lejn ċertu aspetti li ħadem fuqhom il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar tul l-2020 s’issa.

L-investimenti fil-qasam tal-immaniġjar tal-iskart

ECOHIVE – l-ikbar investiment fl-immaniġjar tal-iskart f’pajjiżna, li se tkun qed tirrivoluzzjona l-mod kif pajjiżna jimmaniġja l-iskart u tmexxi lil pajjiżna lejn l-ekonomija ċirkolari. 

Il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia spjega kif dan il-proġett se jkun qed jieħu lil pajjiżna f’livelli ġodda, mhux biss fl-immaniġjar tal-iskart, imma ukoll fil-performance ambjentali u l-miri għar-riċiklaġġ ta’ pajjiżna. Dan l-investiment se jinkludi l-bini ta’ impjant bħal dak tal-Waste-to-Energy, li se jkun qed jeqleb l-iskart f’riżorsa u jnaqqas il-volum ta’ skart li jiġi mitfugħ f’landfill, impjant ġdid għal dry recyclables, ieħor sabiex jitratta skart organiku u jipproduċi l-kompost għall-agrikoltura, u ieħor li se jkun qed jitratta skart kliniku u fdalijiet mill-biċċerija.

Riċiklaġġ tal-iskart

Tul l-aħħar xhur rajna li tkompli tiġi konsolidata l-idea li l-iskart ġġenerat minn pajjiżna għandu jiġi riċiklat. B’hekk, il-Ministeru flimkien mal-Wasteserv, ħadmu sabiex dan isir. 

Aktar kmieni dan ix-xahar, pajjiżna ​esporta madwar 6,550 tunellata ta’ ħġieġ imħallat – l-ikbar ammont ta’ ħġieġ esportat sa mis-sena 2013. ​Bdiet titħaddem ukoll rudimentary line ġdida fl-impjant ta’ Sant’Antnin sabiex issir għażla tal-iskart fil-borża l-griża, u dan qabel iż-żmien li kien imbassar. 

“Permezz ta’ dan l-upgrade, Malta se tkun qed iżżid il-performance tagħha f’dak li għandu x’jaqsam ma’ riċiklar tal-iskart. Dan il-proċess se jwassal lejn l-estrazzjoni u l-immaniġġjar ta’ materjali ta’ kwalità għolja,” qal il-Ministru Farrugia waqt żjara fl-impjant flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv Richard Bilocca, mis-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja u l-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Josef Vella li lkoll ingħaqdu mal-ħaddiema li kienu qed jaħdmu fuq dan ir-rudimentary line.

Inħaddru Pajjiżna

Diversi toroq, pjazez u spazji pubbliċi oħra li huma neqsin mill-ħdura u l-benefiċċji fiżiċi u psikoloġiċi li jġibu magħhom is-siġar u xtieli se jiġu msebbħa u mħaddra permezz tal-proġett ‘Inħaddru Pajjiżna’. Dan il-proġett ser ikun maqsum f’numru ta’ fażijiet fejn fihom numru ta’ Kunsilli Lokali ser jingħataw il-fondi sabiex iwettqu proġetti ta’ tħaddir fl-urban fil-lokalitajiet tagħhom. 

Fuel Stations Policy ġdida, restrizzjonijiet kbar fuq l-ODZ

Wara proċess ta’ konsultazzjoni ma’ diversi stakeholders u ma’ esperti, u wara li ttieħdu in kunsiderazzjoni diversi fatturi ekonomiċi, soċjali, u ambjentali, il-Ministru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia ħabbar ir-reviżjoni fil-Fuel Stations Policy, li fiha restrizzjonijiet kbar fuq l-ODZ. 

Dan id-dokument politiku ġdid li ġie preparat tul l-aħħar xhur mill-Awtorità tal-Ippjanar (PA) u mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), jindirizza numru ta’ punti ta’ tħassib u jinkludi numru konsiderevoli ta’ tibdil, fosthom limitu massimu fuq l-ammont ta’ pompli tal-fjuwil f’Malta u Għawdex. 

Il-Protezzjoni ta’ Siti Natura2000

Żoni ġodda ser ikunu qed jingħataw iktar protezzjoni billi jiffurmaw parti min-netwerk tal-Unjoni Ewropea Natura 2000, ħabbar il-Ministru Aaron Farrugia fil-Jum Internazzjonali għall-Ambjent 2020. Is-siti ġodda li ser ikunu qed jiżdiedu mal-lista huma Tal-Wej, limiti tal-Mosta; Ħas-Saptan, limiti ta’ Birżebbuġa, u Wied il-Mielaħ li jinsab fil-limiti tal-Għarb, Għawdex. Dawn is-siti issa ngħataw ukoll it-titlu ta’ Żoni Speċjali ta’ Konservazzjoni ta’ Importanza Internazzjonali. Wied il-Mielaħ ġie ddikjarat ukoll bħala Żona ta’ Ħarsien Speċjali. L-Għadira s-Safra, sit li diġà jagħmel parti min-netwerk Natura 2000, ġiet estiża sabiex tinkorpora fiha aktar elementi ta’ importanza ekoloġika. 

Proġetti soċjali

Id-Development Planning Fund (DPF) ikompli jagħti l-frott favur il-benesseri tas-soċjetà. Ix-xogħlijiet fuq il-proġett tal-Kċina Franġiskana, li rċieva finanzjament ta’ €303,000 mill-Awtorità tal-Ippjanar, qed iqarrbu lejn tmiemhom. Dan il-proġett, immexxi mill-Ordni tal-Franġiskani f’Malta jinkludi l-bini ta’ kċina u kamra li sservi għall-preparazzjoni tal-ikel, sala ewlenija li se tkun qiegħdha toffri spazju biex dawk fil-bżonn jieklu fiha, kamra fejn dawk bla dar ikunu jistgħu jaħslu u jnixxfu l-ħwejjeġ u uffiċċju żgħir għall-amministrazzjoni.

Il-Politika Rurali

​Il-politika rurali ġdida ġiet approvata mill-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA) u se tmur għall-fażi ta’ konsultazzjoni pubblika.

Hekk ħabbar il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia filwaqt li spjega li din il-politika taspira li tilħaq tliet għanijiet prinċipali, filwaqt li ssaħħaħ il-prinċipju li żżomm l-iżvilupp minimu fiż-żoni rurali: dak li tassigura li l-bidwi ġenwin se jiġi protett u mgħejjun sabiex ikompli jipprovdi u jkabbar prodotti fir-raba; tipprovdi qafas ċar biex tnaqqas il-lok għall-interpretazzjoni li seta’ wassal għall-abbuż fil-passat; u li trażżan il-bini ta’ kmamar mhux xierqa fl-għelieqi madwar Malta u Għawdex. Il-Ministru emfasizza ukoll l-importanza ta’ pjanar rurali favur aktar produttività, żvilupp ekonomiku u protezzjoni ambjentali.

Share With: