L-ACE tikkonferma l-għajnuna tal-vouchers għas-settur … tissuġġerixxi aktar għajnuna f’dan il-perjodu ta’ sfidi

Il-maġġoranza tal-membri tal-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE) jikkonfermaw li l-vouchers maħruġin mill-gvern kienu kruċjali għalihom biex setgħu jibqgħu miftuħin f’dan il-perjodu tal-pandemija.

L-ACE qalet li l-maġġornaza tad-dħul fl-aħħar ġimgħat kien ġej minn dawn il-vouchers li nħarġu mill-gvern. Dan minkejja li s-settur xorta waħda qiegħed jaffaċċja diffikultajiet minħabba spejjeż li żdiedu minħabba miżuri relatati mal-covid-19, nuqqas fil-bejgħ u l-biża’ fost il-pubbliku. Fid-dawl ta’ dan kollu l-membri tal-assoċjazzjoni huma ferm grati lejn l-gvern li ħoloq dan l-inċentiv li għen biex jiġu salvati eluf ta’ impjiegi.

L-ACE tinkoraġixxi lill-gvern biex jkompli jiddiskuti dwar il-possibbilità ta’ aktar miżuri biex jipprepra għax-xhur li ġejjin.

L-assoċjazzjoni kompliet tissuġġerixxi li sabiex tiġi mtejba s-sitwazzjoni f’dan is-settur; wieħed mill-akbar setturi tal-ekonomija Maltija, għandu jkun hemm għajnuniet fejn jidħlu l-implimentazzjoni tal-kera u skemi tal-kontijiet.

L-istqarrija temmet tgħid li l-assoċjazzjoni tirringrazzja lill-Prim Ministru Robert Abela, lill-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli kif ukoll lill-Ministru għall-Ekonomija, l-Investimenti u l-Intrapriżi Silvio Schembri għall-ħidma kontinwa tagħhom. Irringrazzjaw ukoll lill-komunità Maltija għas-sapport kontinwu f’dan il-perjodu ta’ sfida.

Share With: