L-APS Bank iħabbar riżultati pożittivi għall-ewwel nofs tal-2020 minkejja t-tħassib dwar il-COVID-19

Il-Bord tad-diretturi tal-APS Bank plc iltaqa’ fit-30 ta’ Lulju 2020 biex japprova r-Rapport ta’ Nofs is-Sena u r-Rapporti Finanzjarji Interim tal-Grupp u tal-Bank għas-sitt xhur li għalqu fit-30 ta’ Ġunju 2020. 

Wara bidu b’saħħtu għall-2020, il-momentum tan-negozju kważi waqaf għal kollox sa Marzu minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Ir-riżultat kien li sew il-Grupp kemm il-Bank irreġistraw profitti aktar baxxi meta mqabbla mal-2019. Il-profitt qabel it-taxxa tal-Grupp kien ta’ €8.9 miljun (2019 – €15.0 miljun) waqt li r-riżultat tal-Bank qabel it-taxxa kien ta’ €10.3 miljun, kemm kemm inqas mill-€11.4 miljun tal-2019. Din il-prestazzjoni hija ta’ sodisfazzjon kbir meta wieħed iqis l-impatt qawwi tal-pandemija u l-effetti ekonomiċi li din ikkawżat madwar id-dinja, li ġabu ħerba fis-swieq finanzjarji. 

Ir-riżultati tal-Grupp intlaqtu l-aktar minħabba li l-esponiment tal-APS Funds SICAV iġġenera korrezzjoni kuntrarja ta’ €0.6 miljun meta mqabbla ma’ qligħ ta’ €3.9 miljun fl-ewwel nofs tal-2019. Meta wieħed iqis il-kobor tat-taqlib fis-swieq u l-inċertezza li ddominat madwar id-dinja, l-impatt sfavorevoli fuq dawn il-klassijiet ta’ assi kien ġeneralment ikkontrollat u hemm it-tama li parti akbar mir-riżultati kuntrarji li kien hemm sal-lum tista’ titreġġa’ lura sa l-aħħar tas-sena. 

Fil-livell tal-Bank, id-Dħul Nett mill-Imgħax kiber għal €23.9 miljun, 10% fuq dak tal-istess perjodu tas-sena l-oħra. Dan huwa riżultat notevoli meta tqis li l-kondizzjonijiet ta’ rati ta’ mgħax kompressi baqgħu jipprevalu u li l-Bank kien qiegħed isostni l-bażi tan-negozju tiegħu sa l-aħħar tal-ewwel kwart sostanzjalment b’moratoria u b’għajnuna finanzjarja ta’ emerġenza. Fit-tieni kwart, l-APS Bank, b’kollaborazzjoni mal-Malta Development Bank, ħabbar it-tnedija tal-prodott ġdid tiegħu – l-APS Jet Pack – immirat lejn dawk in-negozji lokali li kienu qed ikollhom diffikultajiet ta’ likwidità minħabba l-pandemija. Ir-rispons tal-Bank kien f’waqtu u komplet, madankollu s-sitwazzjoni tibqa’ fluwida peress li l-pandemija jista’ jkollha effetti fit-tul, speċjalment fuq it-turiżmu u setturi relatati bħall-ospitalità, id-divertiment u l-akkomodazzjoni, li għadu kmieni wisq biex wieħed ikejjilhom. 

Il-waqgħa fir-ritmu tal-attività ta’ self ġdid u l-konċentrazzjoni fuq ħidma ta’ appoġġ wasslu wkoll biex jinxtorob id-dħul mill-ipproċessar ta’ faċilitajiet minn Marzu ’l hawn. Il-pjani għat-tnedija ta’ prodotti ġodda ta’ investiment u pensjoni kellhom jiġu posposti, bir-riżultat ta’ dan kollu jkun li d-dħul mid-drittijiet u l-kummissjonijiet baqa’ ġeneralment stabbli sena b’sena, fil-livell ta’ €3.5 miljun (2019 – €3.5 miljun). Minkejja kollox, id-Dħul mill-Operat tal-Bank tjieb b’7.7% minn €26.1 miljun fl-2019 għal €28.1 miljun fl-2020.

L-Ispejjeż tal-Operat u d-Deprezzament matul il-perjodu ammontaw għal €16.6 miljun, żieda ta’ 19.2% fuq it-€13.9 miljun tal-2019, u kienu jinvolvu investiment kontinwu fir-riżorsi umani, it-teknoloġija, kif ukoll fl-infrastruttura tas-sigurtà u l-immaniġġjar tar-riskju. Anke l-ispejjeż marbutin mar-regolamentazzjoni u l-osservanza żdiedu mhux ftit. Intefqu somom sostanzjali b’rabta mal-COVID-19, għax il-Bank ma qagħadx iħares lejn l-ispejjeż meta ġie biex jiżgura l-kontinwità tal-operazzjonijiet tiegħu waqt l-imxija. Sar investiment f’sistemi u f’apparat biex jiffaċilitaw li jsir ix-xogħol mid-dar, u biex jipproteġu s-saħħa u s-sigurtà sew tal-impjegati kif ukoll tal-klijenti. 

L-Assi Totali tal-Grupp fit-30 ta’ Ġunju 2020 ammontaw għal €2.3 biljun, tkabbir ta’ €119-il miljun jew 5.5% fuq il-31 ta’ Diċembru 2019. Il-komponenti ewlenin ta’ din iż-żieda kienu s-Self Gross mill-Bank lill-Klijenti u t-Titoli ta’ Dejn, li kibru rispettivament b’6.7% u bi 22.8% matul il-perjodu ta’ dan ir-rapport. Id-domanda għal kreditu ġdid inqasmet kważi nofs bin-nofs bejn dak Personali u dak Kummerċjali. F’dan il-perjodu l-Bank baqa’ likwidu sew, l-aktar bil-ġbir ta’ depożiti permezz tal-mezzi tradizzjonali, peress li l-Bank għażel li jevita l-prezzijiet tal-finanzjament minn istituzzjonijiet jew sorsi oħrajn. Dan ippermetta lill-Bank biex igawdi mis-saħħa tar-reputazzjoni tiegħu waqt li jżomm baxxi l-ispejjeż medji li jġarrab għall-iffinanzjar tiegħu. Id-Depożiti Totali tal-Klijenti żdiedu b’6.5% matul is-sitt xhur u telgħu għal €2.05 biljun. L-Ekwità Konsolidata fit-30 ta’ Ġunju kienet ta’ €196.0 miljun (2019 – €191.9 miljun), waqt li dik tal-Bank kienet tammonta għal €185.9 miljun (2019 – €181.1 miljun).

Is-Sur Marcel Cassar, CEO tal-APS, ikkummenta hekk: “Dawn huma riżultati tassew pożittivi sew għall-Grupp kemm għall-Bank, in vista taż-żminijiet straordinarji li għaddejin minnhom. Aħna bqajna mexjin bl-operazzjonijiet tagħna bla heda, b’dedikazzjoni u impenn sħiħ. Żammejna aktar minn 90% tal-fergħat tagħna attivi waqt li tejjibna u saħħaħna l-preżenza diġitali u bqajna qrib il-klijenti tagħna fil-ħtiġijiet tagħhom. Tul iż-żmien kollu appoġġjajna lill-impjegati u l-familji tagħhom hekk kif kienu qed jadattaw għal realtà ġdida, kif ukoll lill-firxa kollha ta’ klijenti, sew jekk huma fis-settur kummerċjali, personali jew ta’ investiment, illi wkoll kienu qed jesperjenzaw dawn iż-żminijiet inċerti u mqallbin. Fl-istess ħin komplejna nħarsu ’l quddiem, nikbru u nħejju għal-livelli li jmiss, inklużi l-ġbir ta’ kapital addizzjonali aktar tard din is-sena, u l-Pjan Kummerċjali għall-2021-2023 li bħalissa għaddejjin ġmielhom il-preparamenti għalih. Konformi mal-valuri tagħna, iffokajna fuq il-prijoritajiet waqt li xorta ġibna riżultati tajbin.”

Ir-Rapport sħiħ ta’ Nofs is-Sena u r-Rapporti Finanzjarji Interim sħaħ, inklużi dati u relazzjonijiet finanzjarji addizjonali, jinstabu fil-fajl pdf mehmuż

Share With: