L-attur Chadwick Boseman jitlef il-ġlieda kontra l-kanċer fl-età ta’ 43 sena

L-attur Amerikan ta’ fama mondjali, Chadwick Boseman, magħruf sew għall-irwol tiegħu fil-film tal-Marvel bħala eroj bl-isem ta’ Black Panther, tilef il-ġlieda tiegħu kontra l-kanċer fl-età ta’ 43 sena.

Skont stqarrija fuq il-midja soċjali huwa miet fid-dar tiegħu f’Los Angeles imdawwar minn martu u familjari oħra. Kienu bosta segwaċi u ċelebritajiet fid-dinja ta’ Hollywood li spiċċaw ixxukkjati u mnikkta b’din l-aħbar mhux mistennija.

Fl-2016 Boseman ingħata l-aħbar li kellu kanċer fil-musrana fejn għal erba’ snin hu ġġieled din il-marda fis-skiet mingħajr daqq tat-trombi. Minkejja dan, fl-aħħar xhur bosta kienu dawk li bdew jitħassbu dwar il-kundizzjoni ta’ saħħtu minħabba li kienet xi ħaġa ċara li kien tilef il-piż.

Share With: