L-ewwel 25 professjonisti jingħataw warrant ta’ konservatur-restawratur

F’ċerimonja fil-Mużew tal-Arkeoloġija, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera ppreżenta l-warrant lil 25 professjonist li jaħdmu fil-qasam tal-konservazzjoni u tar- restawr tal-patrimonju kulturali. Dan il-warrant li qiegħed jinħareġ għall-ewwel darba mill-Bord tal- Warrants tar-Restawraturi-Konservaturi li għandu l-għan li b’mod prinċipali jirregola x-xogħlijiet relatati mal-attivitajiet marbuta mal-professjoni tal-konservaturi u tar-restawraturi u dan anke kif jistipula l-Att Dwar il-Patrimonju Kulturali, Kapitlu 445. 

Il-Ministru Herrera tenna li dan huwa pass sinifikanti ħafna fil-qasam tal-patrimonju kulturali. “Illum, permezz ta’ dawn il-warrants, qed nibdew il-proċess fejn nagħtu rikonoxximent formali u prestiġjuż lil dawk kollha li jagħmlu xogħol ta’ konservaturi u ta’ restawraturi fuq il-patrimonju kulturali,” qal il-Ministru Herrera. 

Waqt li indirizza lill-konservaturi u lir-restawraturi fil-preżenza tal-Bord tal-Warrants tar- Restawraturi-Konservaturi, il-Ministru Herrera saħaq li l-patrimonju kulturali huwa element essenzjali għal kull soċjetà u għaldaqstant il-preservazzjoni tal-istess patrimonju hija neċessarja li tkun fdata f’idejn nies kapaċi, kompetenti u professjonali. Tenna li għaldaqstant jimmerita li x-xogħol li jsir fuq patrimonju prestiġjuż u ta’ valur għandu jkun regolat u b’hekk fdat f’idejn individwi li qed jagħmlu dan ix-xogħol f’ambitu professjonali u f’kuntest etiku. 

Il-Ministru Herrera kkonkluda billi rringrazzja lil dawk kollha li taw sehemhom tul iż-żmien partikolarment liċ-Chairperson tal-Bord Dr Joseph Buttigieg u lill-kumplament tal-bord li kien strumentali biex illum qed nirrikonoxxu l-ewwel grupp ta’ konservaturi-restawraturi. 

Share With: