L-industrija tal-films lokali terġa tiftaħ b’Jurassic World

Malta reġgħet fetħet l-industrija tal-films tagħha bil-kbir, hekk kif matul dan ix-xahar se tibda produzzjoni ta’ blockbuster minn Universal Pictures, Jurassic World: Dominion. 

Din il-produzzjoni b’baġit ta’ miljuni kbar se tkun tinkludi fiha xeni fil-Belt Valletta, fil-Birgu, fil-Mellieħa u f’Pembroke.
Il-Kummissjoni Maltija għall-Films kkonfermat li l-produzzjoni ta’ Jurassic World: Dominion ser tkun qiegħda tibda fl-aħħar t’Awwissu. 

Fi stqarrija, il-Kummissjoni Maltija għall-Films qalet li qed tikkollabora b’mod sħiħ mal-Awtorità tas-Saħħa sabiex il-prekawzjonijiet kollha jkunu qiegħdin jittieħdu waqt il-produzzjonijiet, bi protokolli stretti.

Il-Ministru għat-Turiżmu, Julia Farrugia Portelli qalet li “l-Kumissjoni Maltija għall-Films qed tistenna 9 produzzjonijiet internazzjonali għal din is-sena. Bl-ewwel produzzjoni tkun Jurassic World: Dominion, proġetti oħra multi miljunarji ser jitkomplew matul din is-sena, b’investiment kbir fl-ekonomija ta’ pajjiżna. Dan ifisser li anke ser naraw effetti pożittivi anke fil-ħolqien t’impjiegi f’pajjiżna”.

Fil-produzzjoni ta’ Jurassic World: Dominion ser jaħdmu aktar minn 1,000 persuna matul il-perjodu tagħhom f’Malta.
“Bħala Kummissjoni tal-Films ilna għaddejin b’ħidma minn April tal-2019 sabiex irnexxielna inġibu dan il-blockbuster minn Universal Pictures. L-inċentiv li introduċejna riċentament, il-40% ‘cash-back’ għall-produzzjonijiet li jsiru f’pajjiżna isservi bħala inċentiv ewlieni għall-produtturi sabiex jikkunsidraw il-pajjiżna għall-produzzjonijiet tal-Films u tat-Televiżjoni” qal il-Kummissarju tal-Films f’Malta – Johann Grech.

“Malta qed tkompli turi kemm hi attrezzata biex tilqa’ blockbusters ta’ din il-kwalità u dan jagħtina sens ta sodisfazzjon u viżjoni biex nużaw l-esperjenza tagħna għal aktar films ta’ din ix-xorta. Bħala Kummissjoni, aħna dejjem hands-on biex nagħtu s-sapport u r-riżorsi meħtieġa lil kull produzzjoni” ikkonkluda Johann Grech.
L-aħħar film tas-sensiela Jurassic World inħareġ fl-2018 u ġġenera madwar 1.3 Biljun Dollaru Amerikan madwar id-dinja – il-15 l-aktar wieħed mad-dinja kollha.
Is-sena li għaddiet, il-Kummissjoni Maltija għall-Films irnexxiela tiġġenera aktar minn €40 miljun fl-ekonomija Maltija b’total ta’ 21 produzzjoni.

Share With: