L-influwenza hija aktar fatali mill-Covid-19

Statistika turi li fir-Renju Unit dawn l-imwiet huma ħames darbiet iżjed minn dawk ikkawżati mill-pandemija preżenti

Minn Carmen Cachia

Aħbar li tista’ tkun pjuttost ta’ sorpriża għal ħafna hija dik li fil-verità l-influwenza staġjonali tista’ tkun aktar perikoluża mill-virus li kkawża bħalissa pandemija globali, jiġifieri dak tal-Covid-19. Dan ġie kkonfermat minn statistika riċenti li ħareġ ir-Renju Unit fejn il-każijiet ta’ mwiet fost iċ-ċittadini Ingliżi bl-influwenza u l-pnewmonja li mietu dan is-sajf, kien ferm akbar minn dak bil-Coronavirus. L-istess informazzjoni ħarġet mill-“Corriere di Ragusa”, fejn barra li jingħad li Malta hija l-aktar pajjiż fl-Ewropa li għandu l-inqas infezzjonijiet kumplessi tal-Covid-19, irrapporta li f’pajjiżna mietu aktar nies b’sempliċi influwenza, milli bil-virus li oriġina miċ-Ċina.

L-influwenza li għaliha hemm tilqima u tingħata kull sena, ħafna drabi ma tantx tittieħed bis-serjetà iżda fil-fatt, stimi mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) juru li ta’ kull sena n-numru ta’ nies li jmutu bl-influwenza madwar id-dinja kollha jlaħħaq bejn il-290,000 sa 650,000 persuna. 

Għalkemm in-numru uffiċjali tat-total tal-persuni li mietu bl-influwenza staġjonali fl-2019-2020 mhux se jkun magħruf għalissa, iċ-Ċentru għall-Kontroll tal-Mard Amerikan (CDC) qiegħed jikkalkula li minn nofs Marzu ta’ din is-sena diġà mietu bejn 29,000 sa 59,000 b’komplikazzjonijiet minħabba l-influwenza meqjusa bħala “normali”.

L-influwenza fis-sajf issarraf fi prezz qares

F’rapporti li dehru fil-midja Ingliża jingħad li għal dawn l-aħħar seba’ ġimgħat ir-Renju Unit kellu aktar persuni li tilfu ħajjithom bl-influwenza u l-pnewmonja milli bil-Coronavirus. Skont l-aħħar informazzjoni mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika Ingliż, dan l-ammont huwa kważi ħames darbiet iżjed fejn tul is-sajf li qegħdin fih, ferm aktar nies mietu bl-influwenza jew pnewmonja milli bil-Covid-19.

F’Lulju dan il-pajjiż irreġistra aktar minn 800 fatalità bl-influwenza, mentri dawk li mietu bil-Covid-19 fl-istess xahar kienu ftit inqas minn 200 persuna. F’perjodu ta’ seba’ ġimgħat li spiċċa fil-31 ta’ Lulju li għadda, 2,992 persuna mietu bil-Coronavirus mentri 6,626 mietu bl-influwenza jew pnewmonja.

Total ta’ 1,002 persuna oħra tilfu l-battalja tagħhom mal-influwenza fil-ġimgħa li ntemmet fid-19 ta’ Ġunju, imqabbla mas-783 ta’ mwiet ikkawżati mill-Covid-19 fl-istess perjodu. Din id-differenza bejn iż-żewġ każijiet baqgħet tikber kull ġimgħa sa tmiem ix-xahar li għadda meta l-influwenza qatlet 928 persuna, ammont ekwivalenti għal kważi ħames darbiet iżjed mill-193 li tilfu ħajjithom kawża tal-pandemija.

Minkejja li f’dan il-perjodu kien hemm dan l-ammont ta’ persuni li mietu bl-influwenza, l-inċidenza f’dawn il-każijiet hija rrapportat inqas mill-medja ta’ dawn l-aħħar ħames snin. Ir-raġuni għal dan it-tnaqqis fin-numru tal-persuni li mietu bl-influwenza għadha mhix magħrufa minkejja dan, ħafna jemmnu li dan huwa riżultat ta’ żieda fl-iġjene personali b’mod speċjali, bil-ħasil tal-idejn ta’ spiss u l-użu tal-maskri.

Ġurnali Ingliżi rrapportaw li wħud minn dawk li tilfu ħajjithom bil-Coronavirus jew inkella bl-influwenza, se jkollhom imniżżel fiċ-ċertifikat li r-raġuni tal-mewt tagħhom kienet il-pnewmonja – il-marda li finalment twassal għall-mewt. Minħabba f’hekk, jista’ jkun il-każ li jkun hemm xi overlapping fil-figuri relatati.

Minkejja dan, anke jekk dan se jkun il-każ, aktar persuni issa qegħdin imutu bil-pnewmonja kkawżata mill-influwenza milli minn dik ikkawżata bil-Covid-19. 

Diskrepanza fl-għadd ta’ mwiet ikkważati mill-Coronavirus

Din l-istatistika ħarġet riċentement hekk kif l-imwiet fir-Renju Unit u Wales huma l-inqas irreġistrati minn meta beda l-lockdown lejn l-aħħar ta’ Marzu li għadda. Fil-fatt in-numru ta’ persuni li tilfu l-battalja mal-virus qattiel naqas drastikament tant li l-fatalitajiet f’dan il-pajjiż huma viċin ħafna għal dawk li kellhom 19-il ġimgħa ilu.

Il-lockdown fir-Renju Unit beda fit-23 ta’ Marzu u sadanittant il-miżuri stretti bdew jitnaqqsu bil-mod il-mod. Filwaqt li uffiċjali tas-saħħa qalu li fir-Renju Unit kollu kien hemm aktar minn 56,800 imwiet minħabba l-Coronavirus, dan in-numru huwa ferm għola mill-figuri uffiċjali li ħareġ il-gvern lokali li fihom juru li l-pajjiż tilef 46,595 persuna minħabba l-Covid-19.

Il-maġġoranza tal-mejta kellhom 75 sena jew aktar, b’38,578 persuna f’din il-faxxa ta’ età li tilfu ħajjithom kawża tal-virus li oriġina miċ-Ċina u kkawża pandemija globali.

Sadanittant is-Segretarju tas-Saħħa Ingliż, Matt Hancock, ħabbar li se ssir reviżjoni tan-numru tal-persuni li mietu bil-Covid-19 wara li kien hemm dubji dwar kemm dawn kienu preċiżi. Dan wara li xjenzati sabu li kull min irriżulta pożittiv għall-virus, fieq u wara miet f’xi aċċident xahar wara, dawn kienu qegħdin jitniżżlu wkoll bħala vittmi tal-Covid-19. 

Din ir-reviżjoni hija mistennija li tkun ippubblikata fil-ġranet li ġejjin u se jkun hemm arranġamenti bejn il-ministri u x-xjenzati dwar pubblikazzjonijiet separati li juru kemm persuni mietu bil-pandemija li ninsabu fiha bħalissa.

Share With: