L-INFURZAR

Il-kredibilità u l-effetti tal-miżuri kurrenti li qed jittieħdu biex irażżnu t-tieni mewġa tal-corona virus f’pajjiżna se jibqgħu jiddependu fuq kemm ir-regolamenti stabbiliti mill-gvern jiġu rispettati. Inutli li wieħed jistenna li dar-rispett se jintwera b’mod awtomatiku minn kulħadd. 

Irid jiġi nfurzat b’mod qawwi, bla preferenzi u bla eċċezzjonijiet. Wisq anqas għandha tingħata xi impressjoni li għal dawk li jinqabdu jiksru r-regoli, fi ftit taż-żmien tinħareġ amnistija.

Hi magħrufa sew id-dgħufija ta’ dal-pajjiż meta niġu għal kif jinżamm rispett għar-regoli, f’kull qasam tista’ tgħid tal-ħidma publika. 

Did-darba fil-qasam tas-saħħa publika ma baqa’ l-ebda lok aktar għal kompjaċenza jew irtubija, la lejn il-kbir u lanqas lejn iż-żgħir.

IL-15 TA’ AWWISSU

Nofs is-sajf dis-sena mhuwiex għal kollox iż-żmien ta’ rilassament u divertiti li s-soltu jkun.   L-inkwiet mil-lat sanitarju u mill-ekonomiku hu qawwi, bir-raġun.

Ma nemminx li l-aħjar mod kif nikkumbattu din il-qagħda hu billi nippretendu li mhi xejn ħlief frattarija żejda. Hi sfida iebsa ħafna li iżda tista’ tingħeleb u sejra tingħeleb. Biex jiġri dan, kulħadd irid ikun armat ħalli jagħmel tiegħu u tagħha bla tnikkir jew negliġenza. U biex tkun armat irid ikollok l-informazzjoni kollha mhux dak li jippreferi jsemmi dan jew l-ieħor.

Biex tirbaħ battalja, trid tkun lest taffronta l-agħar li jista’ jinqala’. Li wieħed jagħmel bħan-nagħma qatt ma kienet strateġija tajba u mkien.

ĦBIEB TAĊ-ĊINA

Dejjem qiest lili nnifsi, u nibqa’, ħabib taċ-Ċina mhux l-anqas għax ittrattat dejjem lil Malta bl-akbar rispett. Naqbel mija fil-mija mal-politika ta’ “Ċina” waħda. Nammira l-kisbiet taċ-Ċina fl-aħħar deċennji u nsibhom ridikoli dawk li jriduna nqisuha bħala xi periklu għall-bqija tad-dinja. Togħġobni bil-kbir il-kultura Ċiniża li tmur lura l-millenji, mhux l-anqas il-letteratura u l-ikel (!) ta’ dal-pajjiż kontinent. 

Kullimkien,  kont dejjem lest nikkritika argumenti li tressqu kontra aspetti tal-politika Ċiniża li ovvja, argumenti li saru b’intenzjonijiet dubjużi. Għalija hi ħaġa ċara li ċ-Ċina għandha l-istatura ta’ potenza kbira mondjali.

Biss iċ-Ċina trid tifhem ukoll li ħbiebha “barra” jgħixu f’soċjetajiet fejn ċerti perspettivi ta’ kif jitmexxew l-affarijiet publiċi saru jaqbżu lil hinn mill-fruntieri. Iċ-Ċina trid tagħti spjega “aħjar” milli qed tagħmel sa issa dwar il-politika tagħha mal-Ujguri, pereżempju jew fil-Ħong Kong. Inkella ħbieb “barranin” taċ-Ċina se jkollhom dilemma meta jiġu biex juruha solidarjetà, jekk fl-istess ħin ikunu… bħali… nagħmlu mod, kontra kif qed jiġu ttrattati d-dissidenti Katalani fi Spanja.

Ma nistax nemmen li l-maġġoranza kbira tal-Ujguri jew tan-nies ta’ Hong Kong huma kollha “terroristi”.  

Share With: