L-Ispeaker jirċievi żjara ta’ kortesija mill-fondazzjoni Save a Life

“Kull missier u omm jagħmlu minn kollox sabiex imexxu fit-triq it-tajba lil uliedhom u aktar minn hekk ibiegħdu lil uliedhom minn kull ħażen u xkiel li jistgħu jiltaqgħu miegħu matul il-mixja tagħhom, u għaldaqstant, dan il-proġett, din il-fondazzjoni Save A Life, għandha l-elementi kollha neċessarji li jistħoqqilha kull tifħir għall-ħidma li qed twettaq ma diversi minn uliedna.  Ma nistax ma nirringrazzjax lill-Onorevoli Claudio Grech li grazzi għall-fatt illi l-onorarja tiegħu  kollha, kemm ilu jiġi elett bħala membru parlamentari, investiha f’din il-fondazzjoni, li permezz tagħha, minn ħolma, din ħarrġet diversi żgħażagħ u tfal f’diversi ħiliet filwaqt li kompliet tbiegħed lill-istess żagħżagħ minn vizzji li jistgħu jaqgħu għalihom.”

Dan tennieh l-Ispeaker Anġlu Farrugia meta ġie ppreżentat bir-rapport finanzjarju tal-ħidma ta’ din il-fondazzjoni, li fih hemm elenkat numru ta’ proġetti li ġew sostnuti mill-fondazzjoni tul dawn l-aħħar snin kif ukoll proġetti oħra li l-istess fondazzjoni qed taħdem fuqhom.

L-Ispeaker irringrazzja lill-MP Claudio Grech u lill-membri tal-fondazzjoni Save A Life li b’imħabba u b’impenn qed jaħdmu għal għan nobbli bl-aktar mod trasparenti.

Share With: