L-istaġun tal-MFA se jibda ġimgħa tard

L-istaġun 2020/21 tal-Kampjonat Premier se jibda ġimgħa tard milli kien skedat, jiġifieri, bejn id-19 u l-21 ta’ Settembru. Dan filwaqt li ċ-Challenge League se jibda bejn il-25 u s-27 ta’ Settembru. 

Il-bidla tidħol fis-seħħ jekk l-awtoritajiet tas-saħħa lokali japprovaw protokoll ġdid dwar is-saħħa u l-operat b’rabta mas-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’pajjiżna. Dan il-protokoll kien ippreżentat u approvat mill-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA.

Il-protokoll mediku jolqot diversi aspetti u jipprovdi għal ittestjar regolari, miżuri mediċi u sanitarji kif ukoll kwistjonijiet regolatorji. Il-president tal-MFA, Bjorn Vassallo, qal li dan qed isir bil-għan li jitnaqqas ir-riskju li l-attivitajiet sportivi jitħarbtu minħabba każi ta’ coronavirus. 

Il-protkoll ġdid huwa bbażat fuq protokoll simili tal-UEFA, li qed ikun implimentat għall-kompetizzjonijiet kollha tal-clubs kif ukoll tal-iskwadri nazzjonali.

Sadattant qed jitħejjew ukoll protokolli differenti għall-football fil-kategoriji amateurs, tan-nisa kif ukoll grassroots.

Share With: