L-Italja mħassba dwar katastrofi ekonomika hekk kif it-turisti “jgħibu”

Hekk kif il-pandemija tal-Covid-19 qed terġa’ terfa’ rasha, b’diversi pajjiżi fl-Ewropa jirreġistraw żidiet fin-numru ta’ każi ġodda, l-Italja qed turi t-tħassib tagħha li l-effett tal-pandemija fuq l-industrija tat-turiżmu taf tfisser katastrofi ekonomika sa Ottubru li ġej.

Dan hekk kif bosta lokalitajiet popolari mat-turisti rreġistraw tnaqqis kbir f’dak li huwa kummerċ, b’sidien ta’ negozji saħansitra jgħidu li d-dħul tagħhom naqas b’madwar 75%.

Mis-settur turistiku għal dak tal-manifattura, tal-kostruzzjoni u l-produzzjoni tal-ikel, l-ekonomija Taljana sofriet daqqa ta’ ħarta kbira mindu feġġet il-pandemija, li minn Frar ’l hawn ħalliet aktar minn 35,000 vittma fil-pajjiż filwaqt li infettat kwart ta’ miljun persuna.

Intant il-Prodott Domestiku Gross Taljan niżel bi 12.4% bejn april u Ġunju li għadda, bl-emerġenza tas-saħħa ixxejjen it-tkabbir ekonomiku reġistrat f’dawn l-aħħar 30 sena.

Federico Santi, analista mal-Grupp Eurasia qal li l-livelli tal-PDG Taljan reġa’ mar lura għal-livelli reġistrati fil-bidu tas-snin disgħin.

Għadu mhux magħruf kemm kienu t-Taljani li tilfu xogħolhom kaġun tal-pandemija u l-lockdown li damet fis-seħħ għal tliet xhur. Fost twissijiet dwar ferment soċjali, il-Gvern Taljan estenda sal-aħħar tas-sena skema ta’ għajnuna li permezz tagħha kumpaniji jirċievu għajnuna finanzjarja bil-għan li jżommu lill-impjegati tagħhom.

Madankollu bosta analisti huma tal-fehma li l-estensjoni tal-miżuri mhi se tkun qed tagħmel xejn għajr tipposponi l-inevitabbli.

L-Aġenzija Nazzjonali Taljana għall-Istatistika, Istat, qalet li aktar minn terz tan-negozji Taljani jinsabu f’riskju li jagħlqu minkejja diversi miżuri li daħlu fis-seħħ.

Fir-rigward tas-settur turistiku, il-belt ta’ Venezja mistennija li tkun l-aktar waħda li tintlaqat mill-effetti tal-pandemija, bit-turisti mistennijin li jqattgħu aktar minn 13-il miljun lejl inqas fl-akkomodazzjonijiet turistiċi tal-belt. Dan ifisser nuqqas ta’ madwar €3 biljun fi dħul.

Bliet oħrajn ukoll qed jirreġistraw tnaqqis kbir fl-ammont ta’ turisti. F’Ġunju li għadda waslu Ruma 218-il Amerikan biss meta pparagunat mal-249,000 reġistrat matul l-istess perjodu tas-sena li għaddiet. Fl-istess waqt waslu biss ftit aktar minn 100 Russu, b’paragun mad-19,000 li waslu fil-belt f’Ġunju tal-2019.

L-Italja rċeviet għajnuna sinjifikanti meta Brussell qabel dwar pjan ta’ stimulu li jlaħħaq is-€750 biljun ix-xahar li għadda. 28% ta’ dan il-pakkett ta’ għajnuna kien indirizzat għall-Italja.

Share With: