L-MCAST jirċievi aktar minn 1,800 applikazzjoni minn studenti ġodda

Ġimgħa qabel l-għeluq tal-applikazzjonijiet, il-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST) irċieva aktar minn 1,800 reġistrazzjoni minn studenti ġodda. B’kollox, Il-Kulleġġ irċieva aktar minn 2,548 applikazzjoni inklużi l-istudenti li se jkomplu s-sena akkademika l-ġdida fl-MCAST. L-MCAST fetaħ l-applikazzjonijiet online għas-sena li ġejja fis-6 ta’ Lulju u dawn se jagħlqu fis-7 ta’ Awwissu.  

Il-Prinċipal tal-Kulleġġ il-Professur Joachim James Calleja qal: “Baqa’ ġimgħa biex jingħalqu l-applikazzjonijiet u dan ir-rispons inkoraġġanti juri li aktar żgħażagħ qed jirrikonoxxu l-valur tal-għażla tal-MCAST u li jkomplu l-istudji tagħhom fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. L-MCAST jinsab f’pożizzjoni unika biex joffri korsijiet li huma rilevanti għad-dinja tax-xogħol. It-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol joffri opportunità għal dawk li jixtiequ jew li jeħtieġu jaħdmu waqt it-tagħlim. Qed naraw kif il-ħidma tal-MCAST qed twassal għal riżultati konkreti.” 

Bir-restrizzjonijiet tal-Covid-19 fi żmien kruċjali matul iċ-ċiklu ta’ reklutaġġ tal-istudenti, l-MCAST malajr adatta l-isforzi tiegħu u tejjeb l-offerta online. Il-Kulleġġ żied id-disponibbiltà tal-counselling permezz tat-telefon kif ukoll il-gwida għall-karrieri online. L-MCAST organizza ukoll sbatax-il webinar biex jipprovdi informazzjoni dwar il-korsijiet u l-istituti differenti. Dawn ppermettew lill-istudenti prospettivi jitgħallmu dwar il-karrieri li jistgħu jagħżlu fi żmien importanti fil-vjaġġ tat-tagħlim tagħhom. 

L-MCAST huwa ddedikat biex jipprovdi innovazzjoni fit-taħriġ vokazzjonali. L-istudenti huma mħeġġa japplikaw sas-7 ta’ Awwissu biex jiżguraw post f’Ottubru li ġej. Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jżur mcast.edu.mt. Għal gwida dwar il-karrieri wieħed huw amitlub li jċempel fuq 2398 7135/6 jew jibgħat imejl fuq career.guidance@mcast.edu.mt. Għall-applikazzjonijiet wieħed jista’ jċempel fuq 2398 7888 u jibgħat imejl fuq cmis.notifications@mcast.edu.mt. Wieħed jista’ wkoll iżur l-MCAST u jissottometti l-applikazzjoni tiegħu fid-Dar tal-Istudent.

Share With: