L-MFA tippreżenta donazzjoni ta’ flus lil 18-il organizzazzjoni

Bħala parti mill-inizjattivi li għaddejjin bħalissa mill-programm ta’ responsabbiltá soċjali, il-Malta Football Association (MFA) ippreżentat donazzjoni ta’ flus lil 18-il organizzazzjoni.

Dawn id-donazzjonijiet ġew ippreżentati waqt avveniment li sar fit-Trophies Lounge fil-kwartieri ġenerali tal-Assoċjazzjoni stess. B’hekk l-MFA kompliet bil-politika tagħha li tilħaq aktar kommunitajiet permezz tal-football fejn attivitajiet oħra relatati ġew diskussi mar-rappreżentanti tal-NGOs.

Grazzi għall-programm imsejjaħ Football For Life, l-MFA qed taħseb biex toħloq kollaborazzjoni mal-kommunitajiet varji biex fl-istess waqt tippromwovi kuxjenza fuq bosta kwistjonijiet.

Id-donazzjonijiet li jingħataw kull sena, huma maħsuba biex jappoġġaw ix-xogħol siewi tal-NGOs f’setturi differenti fis-soċjetá li jmissu l-ħajja ta’ bosta nies, speċjalment dawk l-aktar fil-bżonn.

 “Il-football joħloq opportunitajiet lil kulħadd kemm fil-ground kif ukoll barra,” qal is-segretarju ġenerali tal-MFA, Angelo Chetcuti.

“Li niżguraw li l-football ikollu mpatt pożittiv fuq is-soċjetá huwa l-objettiv prinċipali tagħna biex nassistu u nappoġġaw kawżi ġusti permezz tal-programm Football For Life.

L-organizzazzjonijiet benefiċjarji tal-programm Football For Life huma Puttinu Cares, Dar tal-Providenza, OASI, ALS, Noah’s Ark, Ursuline Sisters, Action for Breast Cancer, Marigold, Richmond Foundation, Frame Football, the Millennium Chapel, Fondazzjoni Nazareth, Alive Cycling Challenge, St Joseph Institute, Dar Emmaus, Inspire, Hospice Movement u Child Action Nepal.

Barra minn hekk, kull sena l-MFA tagħti donazzjoni  ta’ €12,000 lil Malta Community Chest Fund Foundation.

Proġetti Soċjali

L-appoġġ permezz tal-programm Football For Life imur lil hinn mill-aspett finanzjarju minħabba li l-Malta FA torganizza diversi proġetti u attivitajiet. Play Football Live Football hu l-isem tat-tielet proġett li l-MFA se tkun qed timbarka. L-għan ta’ dan il-programm huwa li jippromwovi u jiffaċilitá l-integrazzjoni u l-inklużjoni soċjali tar-refuġjati kif ukoll ta’ Maltin li jsibu diffikultá biex jintegraw fil-kommunitá.

Fil-ġimgħat li ġejjin, l-MFA se tkun qed tniedi proġett volontarju għal dawk kollha li jridu jikkontribwixxu u jgħinu fl-attivitajiet li torganizza permezz tal-programm Football For Life.

Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb billi tintbagħat email fuq peter.busuttil@mfa.com.mt.

Share With: