L-MFA tniedi gurpp ta’ konsultazzjoni biex tindirizza temi relatati mal-pandemija tal-Covid-19

L-MFA nediet grupp ta’ konsultazzjoni sabiex tindirizza temi relatati mal-pandemija tal-Covid-19. Dan il-grupp se jkun qed jiddiskuti temi relatati mas-saħħa u protokolli li jridu jiġu segwiti wara li din il-pandemija qed toffri sfidi kbar kullimkien. Fl-istess waqt, l-objettivi u r-responsabbiltajiet ta’ dan il-grupp, li hu magħmul minn esperti varji, ġew diskussi mill-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA.

Is-sitwazzjoni Covid-19 qed tiġi evalwata sew speċjalment minħabba li matul dan ix-xahar se jsiru l-logħob ta’ kwalifikazzjoni tal-kompetizzjonijiet Ewropej għall-clubs li se jkunu qed jintlagħbu bil-bibien magħluqa.

Anke t-timijiet nazzjonali Maltin se jkunu fl-azzjoni fil-bidu tax-xahar id-dieħel u kien għalhekk li l-MFA ħasbet sabiex tagħmel protokoll dettaljat dwar saħħa u sigurtá speċjalment dwar il-possibbiltá li jibda l-istaġun il-ġdid 2020/21 tal-kampjonati lokali. Kollox se jkun qed jiġi evalwat u eventwalment jidħlu d-direttivi mediċi u anke dak kollu li jkun hemm bżonn sabiex jissodisfaw mhux biss il-kriterji tal-awtoritajiet tas-saħħa iżda wkoll l-UEFA Return to Play Protocol.  

Il-kalendarju ta’ logħob tal-ewwel round tal-kampjonati lokali se jkun qed jiġi ppubblikat fl-aħħar ta’ dan ix-xahar flimkien mal-protokoll imsemmi. F’dan ir-rigward hemm diskussjoni għaddejja fi ħdan l-istrutturi tal-assoċjazzjoni dwar is-sostenibbiltá ta’ dawn il-protokolli speċjalment għal-logħob mid-diviżjonijiet l-oħra kif ukoll dawk tal-Youths. Minħabba s-sitwazzjoni inċerta li qed toħloq il-Covid-19, il-kumitat eżekuttiv iddeċieda li ma joħroġx is-season tickets tal-club għal dan l-istaġun.  

L-istudju soċjo-ekonomiku 

Fil-laqgħa tal-kumitat eżekuttiv, li kienet l-ewwel waħda għal dan l-istaġun li se jibda dalwaqt, il-membri ngħataw dettalji dwar studju soċjo-ekonomiku dwar il-kummerċjalizazzjoni tal-faċilitajiet tal-clubs. L-MFA ħatret ekonomista rinomat sabiex jevalwa sew xi suġġerimenti li ħallew sitt clubs dwar kif jistgħu jiġu kkummerċjalizzati l-faċilitajiet tagħhom. L-istudju jolqot aktar aspetti fosthom in-nefqa kapitali, il-benefiċċji ekonomiċi speċjalment l-inklużjoni ta’ players żgħażagħ, l-iżvilupp tagħhom u t-turiżmu sportiv.  

Il-kategorija tal-istadium 

L-MFA bdiet ukoll proċess li taqsam l-istadia fejn isir il-logħob kompetittiv lokali fi tliet gruppi prinċipali. Il-kumitat ħoloq eżerċizzju li hu bbażat fuq diversi kriterji. Se jkun qed jintbagħat kwestjonarju lill-clubs kollha li l-grounds tagħhom jiġu użati għall-kompetizzjoni organizzati minn din l-Assoċjazzjoni. Dan il-proċess ma jinkludiex stadiums li huma ċċertifikati mill-UEFA bħalma huma l-Istadium Nazzjonali, iċ-Centenary Stadium u l-Gozo Stadium.  

L-għarfien tal-grassroots 

L-MFA telgħet fil-livell tal-klassifikazzjoni tal-UEFA fejn mill-kategorija tal-bronż, hija kibret għal dik tal-fidda. Dan hu żvilupp pożittiv grazzi għall-ħidma kontinwa tal-proġetti li ħolqot kif ukoll il-parteċipazzjoni attiva fil-livell tal-grassroots.  

Grassroots Manager 

Ivan Woods ġie maħtur bħala Grassroot Manager fi ħdan is-settur tekniku tal-assoċjazzjoni. Woods, li hu ex player internazzjonali Malti, għandu l-liċenzja tal-coaching A tal-UEFA u bħalissa qed jagħmel il-kors UEFA PRO li hu organizzat mill-MFA. Huwa għandu wkoll Master’s Degree fuq Performance Coaching mill-Universitá ta’ Stirling.  

Playmakers Project

L-MFA ġiet magħżula biex tieħu sehem fi programm innovattiv maħluq mill-UEFA u Disney u li għandu l-għan li jattira bniet bejn il-ħames u t-tmien snin u li bħalissa mhux jilagħbu l-football. UEFA u Disney ingħaqdu flimkien sabiex joħolqu inizjattiva mlaqqma Playmakers. Dan hu programm tal-football li juża l-istejjer ta’ Walt Disney u li għandu l-għan li jinkoraġġixxi lil dawn il-bniet sabiex jagħmlu aktar eżerċizzju u forsi wkoll jilagħbu l-football. L-MFA se tkun qed tinkoraġixxi dan il-programm fl-iskejjel, clubss u kommunitajiet lokali f’Marzu tas-sena d-dieħla.  

Share With: