L-MSC Grandiosa ma tħallix passiġġieri jinżlu waħedhom

…il-passiġġieri jistgħu jduru fuq eskursjonijiet; ix-xufiera u l-gwidi li se jdawruhom se jsirilhom ‘swab test’ qabel

Ritratt: ROGER AZZOPARDI

Hekk kif illum daħal Malta l-MSC Grandiosa mhux biss ma hemmx passiġġieri u membri tal-ekwipaġġ li għandhom il-Covid19 imma dawk li se jinżlu fl-art se jitħallew biss iduru l-pajjiż fuq eskursjonijiet organizzati mill-istess vapur.

L-MSC Grandiosa huwa l-ewwel vapur tal-passiġġieri kbir li salpa għall-ewwel darba fuq ‘cruise’ fil-Mediterran mindu dawn waqfu minħabba l-firxa tal-imsemmi virus.

Il-vapur telaq minn Genoa u waqaf Civitavecchia viċin Ruma, Napli fejn twaqqfet il-kumpanija MSC u Palermo qabel ma beda jsalpa lejn Malta fuq vjaġġ li b’kollox se jdum sebat ijiem.

Fuq il-vapur hemm madwar 1,500 membru tal-ekwipaġġ kif ukoll mal-1,400 passiġġier li lkoll ġew ittestjati qabel beda l-vjaġġ. L-ekwipaġġ kien ittestjat tliet darbiet b’kollox, darbtejn qabel ma għamel 14-il jum kwarantina, u darba oħra wara mentri l-passiġġieri kienu ittestjati qabel telgħu.

Il-Valletta Cruise Port ippreparat għall-wasla

Għalkemm ma hemm ħadd fuq il-vapur pożittiv għall-virus dan il-ġurnal ħa l-kumment tal-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port plc Stephen Xuereb biex jara x’passi ħadu min-naħa tagħhom qabel il-wasla ta’ dan il-vapur.

Waqt li semmilna kif il-vapur ħa ħsieb jagħmel it-testijiet neċessarji minn qabel ma beda l-vjaġġ, huwa spjegalna kif dawk il-passiġġieri li se jinżlu l-art mhux se jitħallew iduru waħedhom imma se jkunu miġburin fi grupp ta’ madwar 15.

Qabel jitilgħu fuq il-mezzi ta’ trasport se jsir ukoll ‘swab test’ lix-xufiera li se jġorru lit-turisti u lill-gwidi li se jkunu magħhom bir-riżultat mistenni joħroġ fi żmien 45 minuta. Kif ikun assigurat li x-xufieri u l-gwidi ma jkunux pożittivi għall-Covid19 il-vjaġġ ikun jista’ jsir. 

Xuereb semmilna wkoll li bħala Valletta Cruise Port plc huma assiguraw li t-terminal iħejji l-protokolli meħtieġa mhux biss skont dak li jitolbu l-awtoritajiet lokali biss imma anke dawk internazzjonali.

Fil-fatt il-kumpanija mhux biss ħadet miżuri li ġew approvati mis-Supretendnt tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci, fosthom dwar iġjene u distanza soċjali, imma anke ngħatat ċertifikat mill-World Travel & Tourism Council (WTTC) li t-terminal huwa safe.

L-industrija tal-‘cruises’ tipprova tirkupra

Il-vjaġġ tal-MSC Grandiosa fil-Mediterran kien imfisser bħala test għall-industrija tal-‘cruises’ fit-tentattiv tagħha li tipprova tirkupra mid-daqqa li qalgħet.

Il-kumpanija rivali tal-MSC, Costa Cruises li s-sid tagħha hija l-Carnival, għażlet li tirritorna bil-bil-vjaġġi fil-Mediterran f’Settembru mill-portijiet ta’ Trieste u Genoa għat-turisti Taljani biss.

Fil-każ tal-MSC Grandiosa, il-kumpanija għażlet li tillimita n-numru tal-passiġġieri hekk kif minn total ta’ 6,334 passiġġier li l-vapur kapaċi jesa naqqset in-numru bi 30% biex tirrispetta d-distanza soċjali fuqu.

L-Italja tiddependi ħafna fuq l-industrija tal-vapuri tal-passiġġieri tant li fis-sena ddaħħal mal-€14.5 biljun u timpjega 53,000 impjieg. Kien għalhekk li l-Gvern Taljan ta permess lill-kumpaniji jerġgħu jibdew bil-vjaġġi mill-15 ta’ Awwissu.

Kemm il-pajjiż kif ukoll il-kumpaniji li joperaw f’dan is-settur se jkunu qed isegwu l-vjaġġ tal-MSC Grandiosa biex jaraw il-protokolli li ħadu dwar dan il-vjaġġ jistax ikompli fuq vjaġġi oħra.

Minbarra l-Italja anke Malta għandha interess dirett fil-vjaġġ hekk kif se tkun l-unika port barrani fejn se jieqaf il-vapur minbarra dawk Taljani bl-awtoritajiet taż-żewġ pajjiżi qed jittamaw li ma jfeġġ ebda każ pożitttiv li żgur jerġa’ jitfa’ fi kriżi l-industrija u t-turiżmu relatat magħha.

Share With: