Lionel Messi jikkunsidra li jitlaq lil Barcelona

L-attakkant Lionel Messi xorta waħda qed jikkunsidraw li jitlaq lil Barcelona wara li ltaqa’ mal-coach il-ġdid, Ronald Koeman, skond rapporti fil-midja Spanjola tal-bieraħ, hekk kif l-erba’ ġurnali sportivi ddedikaw il-faċċati ta’ quddiem fuq il-futur inċert tal-Arġentin.

Marca, l-iktar ġurnal ta’ kuljum li jinbiegħ fi Spanja, qal li Messi qal lil Koeman li huwa aktar probabbli li jħalli l-club milli jibqa’, waqt li AS iddikjara fuq l-ewwel faċċata: “Messi jara lilu nnifsu jitlaq”.

Il-Mundo Deportivo bbażat f’Barċellona qal li Messi “ma jarax il-futur tiegħu b’mod ċar”, iżda enfasizza li l-captain ma tantx għandu t-tama li jħalli l-club immedjatament minħabba l-klawsola ta’ rilaxx ta’ €700 miljun.

Messi, li ngħaqad ma’ Barca ta’ 13-il sena, skorja rekord ta’ 634 goal għall-Katalani f’730 partita u huwa wkoll l-iktar player imżejjen tal-club bi 33 trofej. Hu jinsab 37 logħba ‘l bogħod mir-rekord ta’ kull żmien ta’ Xavi Hernandez.

Iżda l-player ta’ 33 sena jinsab fl-aħħar sena tal-kuntratt tiegħu mal-club u d-dubji dwar il-futur tiegħu kibru mill-ġimgħa l-oħra wara l-umiljazzzjoni ta’ 8-2 minn Bayern Munich biex inqalgħu miċ-Champions League, li Barca naqsu milli jirbħu mill-2015.

Sport, ibbażat ukoll f’Barċellona, tkellem dwar “l-ewwel laqgħa għolja” bejn il-captain u l-coach, u żied li Messi waqqaf il-vaganzi tiegħu sabiex jiltaqa’ ma’ Koeman.

Fil-preżentazzjoni tiegħu nhar l-Erbgħa l-coach Olandiż qal li ried li Messi jibqa’, għalkemm ma weriex daqstant reverenza lejn il-player daqs uħud mill-predeċessuri tiegħu.

Koeman qal li “ma kienx jaf jekk hemmx bżonn li jikkonvinċi lil Messi biex jibqa’” għalkemm huwa sejjaħ lill-Arġentin l-aqwa player fid-dinja u qal li se jkun kuntent jekk jagħżel li jibqa’ ma’ Barca.

Bil-kuntratt tiegħu jintemm f’Ġunju li ġej, il-player rebbieħ sitt darbiet tal-unur Player tas-Sena tad-Dinja, huwa liberu li jinnegozja ma’ clubs oħra minn Jannar li ġej.

Madankollu, anke mingħajr ħlas tat-trasferiment, is-salarju kolossali ta’ Messi, irrap­purtat li huwa l-ogħla tal-football dinji, ifis­ser li ftit clubs ikunu jistgħu jaffordjawh.

Studju mill-ġurnal Franċiż L’Equipe aktar kmieni din is-sena qal li Messi jaqla’ €8.2 miljuni fix-xahar mingħand Barca, ħafna iktar mill-attakkant ta’ Juventus, Cristiano Ronaldo, u l-attakkant ta’ Paris St-Germain, Neymar, li jaqilgħu €4.5 miljun u €3 miljun rispettivament.

Share With: