Lionel Messi jrid jingħaqad ma’ Manchester City

L-istilla Arġentina Lionel Messi jixtieq jingħaqad ma’ Manchester City waqt dan is-suq tat-trasferimenti tas-sajf.

Il-player ta’ 33 sena għarraf lill-club tiegħu Barcelona li xtaq itemm l-avventura tiegħu fin-Nou Camp wara kważi 20 sena jilgħab magħhom.  

Min-naħa tagħhom, il-club mill-Katalunja kienu maħsuda b’din it-talba minħabba li ma stennewx din l-aħbar li ġiet għalihom kiesaħ u biered.  

Messi jixtieq itemm il-kuntratt tiegħu hawnhekk u jibda avventura ġdida mas-Citizens li huma mmexxija minn Pep Guardiola. Dan tal-aħħar kien fit-tmexxija tal-Blaugrana bejn l-2008 u l-2012 b’Messi jixtieq jerġa’ jiġi kkowċjat mill-istess Guardiola. Dawn it-tnejn għandhom relazzjoni tajba ħafna flimkien u l-possibbiltá li jerġgħu jkunu flimkien qed dejjem tikber. 

Minkejja kollox, l-ogħla awtoritajiet tal-club saħqu li kuntrarju għal dak li qal Messi li jista’ jingħaqad ma’ min irid bi free transfer, il-veritá hi li seta’ jagħmel din l-għażla sa Ġunju li għadda meta skadietlu din il-klawsola.  

Ħafna qed isostnu li mhux se tkun biċċa xogħol faċli għal Messi li jinħall mill-ftehim li għandu ma’ dan il-club iżda huwa saħaq li mhux se jaqta’ qalbu u jieħu dak li verament ħaqqu mill-karriera brillanti tiegħu.

Missieru, Jorge Messi, ċaħad li nstema’ xi awdjo ta’ ibnu li qed jgħid li jixtieq jibqa’ jilgħab fin-Nou Camp u qal li dan hu biss fittizju.  

Min-naħa tagħhom, Manchester City qed iħarsu lejn il-possibbiltá li jiffirma lil Messi anke jekk ikunu jridu jonfqu somma rekord għalih. Issa li ħarġet din l-aħbar, huwa se jkun l-objettiv ewlieni tal-club. 

Sadanittant attenti għal x’qed jiġri hemm ukoll tliet clubs oħra Ewropej – Inter, Paris St Germain u Manchester United, li wkoll qed jissemmew li jixtiequ jiksbu s-servizzi tal-istess Messi.  

Messi lagħab 485 partita mal-Blaugrana u skorja ammont rekord ta’ 444 goal. Huwa rebaħ sitt darbiet il-Ballun tad-Deheb fiż-żmien meta kien qed jilgħab mal-Katalani.

Share With: