Luca Pellegrini fir-radar ta’ Napoli

L-aġent tant magħruf Mino Raiola għandu jiltaqa’ mad-direttur sportiv ta’ Juventus, Fabio Paratici, biex jiddiskuti l-futur tad-difensur ċentrali ta’ 21 sena, Luca Pellegrini.

Matul l-istġaun li għadda huwa kien misluf ma’ Cagliari u bħalissa qed jitħarreġ ma’ Juventus taħt il-gwida tal-coach Maurizio Sarri.

F’dan il-ħin Pellegrini qed jistenna risposta mingħand id-diriġenti ta’ Juventus biex ikun jaf jekk jinsabx fil-pjani ta’ Sarri. Huwa ma jixtieqx iqatta’ ħafna mill-ħin fuq il-bank tas-sostituti u jrid isib club li għall-inqas jagħtih garanzija li jibda mal-ewwel ħdax. 

Iżda kollox jiddependi x’se jiġri mid-difensur ta’ Juventus, Mattia De Sciglio. Jekk dan tal-aħħar jitlaq lil La Vecchia Signora, Pellegrini jkun jista’ jibqa’ maċ-champions Taljani.

Napoli mistennija jkunu ferm attivi waqt is-suq tat-trasferimenti tas-sajf biex isaħħu aktar l-iskwadra tagħhom.

Share With: