Magħrufa l-avversarji tal-Maltin fil-UEFA Europa League

Meta ttellgħu l-poloz tal-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa League 2020/21, fost it-tliet timijiet rappreżentanti Maltin, Sirens messithom l-aktar waħda diffiċli meta jridu jivvaġġjaw lejn il-Bulgarija biex jilagħbu kontra CSKA Sofia.

Iż-żewġ timijiet l-oħra, Valletta se jospitaw lil Bala Town ta’ Wales filwaqt li Hibernians imorru jilagħbu f’Liechtenstein kontra FC Vaduz.

Għal Sirens, li t-13-il Malti li qed jipparteċipa fil-kompetizzjonijiet Ewropej, din se tkun l-ewwel esperjenza tagħhom … kontra team li huwa meqjus bħala l-aqwa wieħed fl-istorja tal-football Bulgaru.

Din se tkun it-tielet darba għal CSKA Sofia li se jilagħbu kontra avversarji Maltin.

Huma kienu lagħbu kontra Sliema Wanderers fiċ-Champions Cup. Fl-ewwel leg, li ntlagħab fis-7 ta’ Settembru, 1966, fl-Empire Stadium, kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1 filwaqt li fit-tieni leg, li kien intlagħab fl-14 ta’ Settembru, 1966, fil-Bulgarska Armia Stadium, kien rebħu bl-iskor ta’ 4-0 għal aggregate ta’ 6-1.

Il-goal tal-Wanderers kien wasal minn Joe Cini.

Imbagħad l-avversarji kienu Hibernians fil-kompetizzjoni tal-UEFA Intertoto, meta minn Grupp 11, il-Bulgari kienu għelbuhom bl-iskor ta’ 4-1 liema partita ntlagħbet nhar id-29 ta’ Ġunju, 1996, fil-Bulgarska Armia Sta­dium, bil-goal Malti jiskorjah Jesmond Delia.

Inċidentalment dan il-goal kien il-100 wieħed tat-timijiet Maltin fil-kompetizzjoni­jiet Ewropej.

L-avversarji ta’ Valletta, Bala Town, se jkunu s-seba’ team minn Wales fil-kompetizzjonijiet Ewropej.

Dan il-club qed jiċċelebra l-140 anniversarju meta twaqqaf fl-1880. Wara tant snin jilagħbu f’bosta kampjonati tar-reġjuni,  fl-1950 ingħaqdu mar-Wrexham Alliance u fl-2002-03 ġew promossi fit-Tieni Diviżjoni … sakemm erba’ snin wara huma rebħu l-promozzjoni għall-ogħla diviżjoni.

Din hija l-ħames darba għalihom li se jikkompetu fil-UEFA Europa League fejn dejjem ġew eliminati fil-preliminari u fl-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni.

Is-sitt timijiet l-oħra li żaru pajjiżna kienu Borough United (1963-64 – Tazza tat-Tazzi) v Sliema W. 0-0, 2-0; Swansea City (1982-83 – Tazza tat-Tazzi) v Sliema W. 12-0, 5-0; Wrexham (1986-87 – Tazza tat-Tazzi) v Zurrieq 3-0, 4-0;  Aberystwyth Town (1999-2000 – UEFA Intertoto) v Floriana 2-2, 1-2; Barry Town (1999-2000 – UEFA Champions League) v Valletta 0-0, 2-3; Newtown FC (2015-16 – UEFA Europa League) v Valletta 2-1, 2-1.

L-avversarji ta’ Hibernians, FC Vaduz, se jkunu l-ewwel team minn Liechtenstein li se jilgħab kontra timijiet Maltin.

FC Vaduz twaqqfu fl-1932 u filwaqt li rebħu l-kampjonat darba waħda biss (1936), huma rebħu t-tazza nazzjonali għal 47 darba … li huwa rekord tad-dinja.

Din se tkun il-25 darba li se jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet Ewropej iżda qatt ma avvanzaw aktar mit-tieni round ta’ kwalifikazzjoni.

Share With: