Malta tenfasizza l-ħtieġa li l-partijiet kollha involuti fl-eskalazzjoni tat-tenzjonijiet fil-Lvant tal-Mediterran jirritornaw għad-djalogu

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo pparteċipa f’laqgħa Ministerjali straordinarja tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin, li saret virtwalment nhar il-Ġimgħa 14 t’Awwissu 2020, u li ddiskutiet fost oħrajn is-sitwazzjoni fil-Lvant tal-Mediterran, il-klima politika attwali u l-protesti fil-Belarussja, kif ukoll l-aħħar informazzjoni dwar it-traġedja fil-Libanu u s-sitwazzjoni politika fil-Venezwela.

Waqt li laqa’ dawn it-taħdidiet tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Barranin, il-Ministru Bartolo esprima qbil mar-Rappreżentant Għoli dwar l-importanza tad-djalogu u approva l-isforzi tiegħu u tal-Ġermanja biex iseħħ id-djalogu tant meħtieġ.

Il-Ministru Bartolo tenna l-importanza li l-partijiet imorru lura fuq il-mejda tan-negozjati u jżidu l-isforzi sabiex titnaqqas il-gravità tas-sitwazzjoni, filwaqt li sostna li l-UE għandha tinsisti li l-partijiet kollha jaqblu dwar moratorju fuq l-attivitajiet kollha li jistgħu jimminaw il-possibilità ta’ soluzzjoni futura. Huwa rrikonoxxa li s-sitwazzjoni hija diffiċli, iżda enfasizza l-importanza li wieħed jippersisti fid-djalogu biex tinstab soluzzjoni li taħdem. Il-Ministru Bartolo kkonkluda li d-delinjazzjoni ta’ Żona Ekonomika Esklussiva mhix l-unika soluzzjoni u jistgħu jinstabu soluzzjonijiet oħrajn.

Dwar il-klima politika fil-Belarussja, il-Ministru esprima tħassib dwar l-aħħar żviluppi u d-diversi rapporti li kkontestaw il-kredibilità tal-elezzjonijiet presidenzjali. Il-Ministru ddikjara li l-protesta u l-libertà tal-għaqda huma dritt universali u kwalunkwe vjolenza sproporzjonata u arresti mhux ġustifikati għandhom jintemmu.

Share With: