Max Verstappen l-aktar veloċi fl-ewwel provi tal-Grand Prix tal-Ingilterra

Is-sewwieq tar-Red Bull, Max Verstappen, kien l-aktar wieħed veloċi fl-ewwel provi li saru fil-Grand Prix tal-Ingilterra biex għeleb bi ftit lis-sewwieq tal-Mercedes, Lewis Hamilton.

Verstappen kien 0.474 sekondi aħjar mil-leader tal-kampjonat tal-Formula Wieħed għalkemm għamel użu minn tyre aktar artab minn Hamilton li t-team tiegħu jibda bħala favorit f’dan tmiem il-ġimgħa.

Sadanittant Lance Stroll fuq Racing Point spiċċa fit-tielet post qabel is-sewwieq tar-Red Bull, Alexander Albon. Fl-istess waqt, Nico Hulkenberg li spiċċa sostitut fl-aħħar minuta ta’ Sergio Perez, li nstab pożittiv għall-coronavirus, spiċċa fid-disa’ post f’dawn il-provi.

Is-sewwieq Ġermaniż, li kien 0.588 sekonda inqas minn Stroll, kellu l-pożizzjoni tiegħu kkonfermata ftit minuti qabel din is-sessjoni minħabba li l-uffiċjali riedu jikkonfermaw li ma kellux il-coronavirus.

It-test pożittiv ta’ Perez wasal proprju l-Ħamis filgħaxija u għalhekk it-tim Racing Point għażel lil Hulkenberg fuq is-sewwieq Messikan Esteban Gutierrez.

Hulkenberg, li kien barra mill-Formula Wieħed wara li spiċċa mit-tim Renault matul l-istaġun li għadda, kien ippreferut minħabba l-esperjenza kbira li għandu minħabba li saq għalihom fil-Force India tas-sena 2012 u fis-snin ta’ wara. 

Din is-sessjoni tal-provi saret f’temperaturi għolja u b’sema kaħlani u ċar. Kienet atmosfera ferm differenti mis-soltu minħabba li ma kienx hemm spettaturi preżenti bl-avveniment li sar bil-bibien magħluqa. Minkejja li kien hemm xi segwaċi li xtaqu jaraw il-provi, dawn ġew mbiegħda miċ-ċirkwit sabiex l-organizzaturi jevitaw kull tip ta’ tixrid tal-Covid-19.

Is-sewwieqa Brittaniċi tkellmu dwar dan l-ambjent li sejħulu stramb u ta’ dwejjaq għalkemm iridu jaddattaw għaċ-ċirkostanzi preżenti.

Is-sewwieq Brittaniku Lewis Hamilton għadu ġej mir-rebħa fl-aħħar tiġrija li saret fl-Ungerija li kienet it-tielet waħda tiegħu għal dan l-istaġun. Hu qed jipprova jtawwal din is-sensiela pożittiva billi jikseb dak li jixtieq anke f’din is-sessjoni. 

Hu beda tmiem il-ġimgħa bl-aqwa mod possibbli mingħajr ma qagħad isemmi d-differenza li kien hemm fit-tajers tal-karozzi tas-sewwieqa l-oħra. Hu jrid jikseb riżultat konvinċenti mingħajr ma jġib l-ebda skuża possibbli.

Sadanittant il-Mercedes poġġew magna ġdida bl-isem ta’ MGU-K, parti mis-sistema hekk imsejħa hybrid wara li raw xi affarijiet li ma tantx imxew kif suppost fl-Ungerija.

Fl-istess waqt il-kollega Valtteri Bottas spiċċa fis-sitt post ta’ dawn il-provi u kien aħjar minn Verstappen u 0.6 sekondi wara Hamilton, bit-tyres li kienu meqjusa bħala xi ftit iebsin.

Albon għandhom inġinier ġdid għal dan tmiem il-ġimgħa hekk kif it-team Red Bull qed jipprova jirranġa s-sitwazzjoni ta’ karozza li ma tantx laħqet l-istennija mixtieqa. Se jkun hemm ritorn għal Simon Rennie li aktar qabel ħadem ma’ Daniel Ricciardo bejn l-2014 u l-2018.

Is-sewwieq fuq Ferrari Charles Leclerc kien il-ħames l-iktar sewwieq veloċi filwaqt li Esteban Ocon u Daniel Ricciardo spiċċaw fis-seba’ u fit-tmien post rispettivament. Bejniethom kien hemm differenza ta’ 0.017 sekondi.

Sebastian Vettel, li hu l-kollega ta’ Leclerc tilef biċċa kbira minn din is-sessjoni wara problema mekkanika fil-karozza tiegħu. Hu kellu jieqaf sabiex il-Ferrari lestiet fil-ħin għat-tieni sessjoni ta’ dan l-avveniment.

Finalment din is-sessjoni kellha tieqaf għal 12-il minuta wara li kien hemm inċident fil-parti msejħa Beckett fejn Antonio Giovinazzi fuq Alfa Romeo kellu ħsarat fl-erba’ tajers tal-karozza tiegħu.

Il-Grand Prix Brittaniku ta’ dan tmiem il-ġimgħa se jsir fiċ-ċirkwit ta’ Silverstone.

Share With: