Metsola tieħu falza stikka u tipprova ddaħħal dubju: ċertifikat mill-KE għall-viżjoni ambjentali tal-Gvern

Ftit tal-jiem ilu, l-Kummisjoni Ewropea kkonfermat li l-viżjoni ambjentali tal-Gvern Malti dwar l-iskart u l-bini ta’ faċilitajiet waste-to-energy biex jintlaħqu l-miri ekonomiċi u ambjentali ta’ pajjiżna.

Fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari ta’ Roberta Metsola dwar jekk il-faċilitajiet tal-waste-to-energy humiex konformi mal-għanijiet tal-ekonomija ċirkolari, il-Kummissjoni Ewropea qalet li dawn it-teknoloġiji huma parti mis-soluzzjoni sabiex ‘nevitaw li l-iskart li ma jistgħax jiġi riċiklat imur fil-landfill’ u ghaldaqstant il-Gvern Malti miexi fit-triq it-tajba. 

Sal-lum, kwantitajiet kbar ta’ skart qed jintefgħu f’landfills. Apparti l-kunsiderazzjonijiet ambjentali li ġġib magħha din il-prattika, nuqqas ta’ viżjoni f’dan il-qasam kapaċi tissarraf fit-teħid ta’ aktar art għal landfilling. Xi ħaġa li ma rridux li tiġri. Il-Ministeru għall-Ambjent u l-Gvern Malti għaddejjin b’ħidma intensiva sabiex dan l-iskart jiddawwar f’riżorsa għal pajjiżna. 

Bħalissa l-Gvern flimkien mal-Wasteserv qed jimplimentaw l-ikbar investiment li qatt sar fl-istorja ta’ Malta fl-immaniġġjar tal-iskart li ħa jkun qed jibdel il-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna f’dan il-qasam – minn wieħed lineari għal wieħed ċirkolari. L-impjant tal-Waste-to-Energy jagħmel parti minn din l-istrateġija komprensiva li ħa tkun qed ittejjeb il-ġestjoni tal-iskart f’Malta li permezz tagħha ħa tkun qed tieħu l-potenzjal massimu tal-iskart.

Minbarra l-impjant tal-waste-to-energy ħa jkunu qed jiġu wkoll żviluppati impjanti oħra bħal l-impjant li jipproċessa l-iskart organiku f’kompost agrikolu u f’enerġija, u impjant ieħor li ħa jkun qed jipproċessa materjali riċiklabbli bħal plastik, karta, u metall. 

Dan jorbot max-xogħol kollu li qed iwettaq il-Ministeru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u Ippjanar li bħalissa qiegħed ukoll jiffinalizza ir-riforma ambizzjuża tal-Politika dwar il-Ġestjoni tal-Iskart. Dawn l-erbgħa faċilitajiet qed jiġu żviluppati bħala parti mil-viżjoni ta’ ekonomija ċirkolari u se jkunu qed jindirizzaw diversi bżonnijiet ambjentali relatati mal-immaniġġjar ta’ l-iskart waqt li fl-istess ħin jipproduċu riżorsi essenzjali li kieku kienu jmorru għar-rimi.

Il-Ministru żied li dan il-proġett huwa ħolqa kruċjali flimkien ma riformi oħrajn li qed jitmexxew mill-Ministeru fil-qasam tal-iskart. Dawn l-inizjattivi jinkludu politika ta’ natura edukattiva u regolatorja li se twassal għal bidla fl-imġieba tant mistennija f’dan il-qasam. 

Dawn il-proġetti flimkien ma’ ħidma kontinwa oħra, bħall-esportazzjoni reċenti ta’ 6,550 tunnellata ħġieġ u il-linja li nfetħet ricentament biex jiġu pproċessati l-materjali riċiklabbli ħa jkomplu jżidu b’mod sinifikanti r-rata ta’ riċiklaġġ f’Malta.

Share With: