“M’għandix l-iċken idea fuq l-operat ta’ ħija” – Mario Cutajar

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar irreaġixxa għal talbiet biex jirriżenja billi iddikjara li m’għandu assolutament ebda rabta jew l-iċken idea fuq l-operat ta’ ħuh.

“Kemm fil-ħajja privata kif ukoll fl-irwol professjonali tiegħi, jiena dejem kont responsabbli mill-aġir tiegħi u ħija mexa fit-toroq tiegħu b’mod għal kollox indipendenti”.

Cutajar saħaq li ma kellux x’jaqsam xejn u lanqas qatt ma ġie ikkonsultat meta ħuh ngħata kariga l-ewwel f’Beijing imbagħad f’Shanghai.

Huwa saħaq li meta sar jaf li ħuh ġie arrestat kiteb lill-Kummissarju tal-Pulizija u nfurmah li kien dispost jagħti l-aċċessi kollha mitluba.

“Sal-lum fl-ebda ħin u bl-ebda mod ma kont involut jew mistoqsi dwar l-allegazzjonijiet jew l-investigazzjonijiet tal-Pulizija fil-konfront ta’ ħija. Fl-ebda ħin ma ndħalt fil-proċess tal-Pulizija li wassal biex ħija ttella’ l-Qorti”.

Cutajar iddikjara li din hija xiehda li f’dan il-pajjiż l-istituzzjonijiet jaħdmu  fil-konfront ta’ kulħadd u nsista li jemmen li jekk persuna tinstab ħatja ta’ għemilha għandha tħallas għalih.

“Sadanittant, bħala Kap taċ-Ċivil, jien għadni kemm tajt struzzjonijiet biex b’mod immedjat jiskattaw il-proċeduri għall-passi dixxiplinarji meħtieġa hekk kif stabbilita mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku u mingħajr ebda involviment min-naħa tiegħi”, temm jgħid Cutajar fid-dikjarazzjoni tiegħu.

Share With: