Mhux eskluż li l-pubbliku jintalab “jidentifika” s-suspettati tal-aħħar qtil

Il-Pulizija għandha f’idejha ritratt meħud mill-kameras tas-sigurtà li kien hemm jgħassu r-residenza privata li fiha seħħ il-qtil doppju f’Tas-Sliema.

Mhux eskluż li l-Pulizija tkun qed tippubblika ritratt jew ritratti tat-tliet persuni suspettati bil-qtil ta’ Chris Pandolfino u Ivor Maciejowski li nstabu maqtula fir-residenza tagħhom fit-18 ta’ Awwissu li għadda.

Skont filmati tas-CCTV fl-inħawi rriżulta li Maciejowski baqa’ ġewwa fl-aħħar sigħat qabel inqatel, filwaqt li Pandolfino ħareġ għall-ħabta tas-7:00 p.m u daħal madwar tliet sigħat wara. Ftit minuti mill-wasla tiegħu tliet persuni jidhru jidħlu fir-residenza u jħallu l-post erba’ minuti wara.

Fl-aħħar dettalji maħruġa mill-Pulizija ntqal li hi ma kienet qiegħda teskludi xejn b’rabta ma’ dan il-każ. Fost spekulazzjonijiet oħra hemm il-possibbilità li dawn it-tliet persuni huma barranin li tkompli tagħmilha ferm aktar diffiċli biex jissolva dan il-każ.  

Share With: