Tkompli l-kumpilazzjoni dwar il-qtil ta’ Antoine Dalli

Quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, se tkompli l-kumpilazzjoni dwar il-qtil ta’ Antoine Dalli fejn missieru Salvu jinsab akkużat b’dan il-qtil.

Il-Prosekuzzjoni qiegħda titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud u Roderick Attard. L-Avukati Lennox Vella u Marisa Mifsud qed jidhru għal Salvu Dalli.

L-Avukati Kathleen Calleja Grima u Francesca Zarb qed jidhru għall-familja tal-vittma.

1:30 p.m: Il-Qorti ċaħdet għal darba oħra t-talba tiegħu għall-ħelsien mill-arrest, digriet tal-Qorti fuq ir-rikors tal-imputat tad-19 t’Awwissu li għadda li ġie miċħud għal darba oħra.

Mistennija tixhed s-Sinjura Suzanne Blanchard, megħjuna mill-Avukata Luana Bezzina bħala Interpretu mill-Malti għall-Ingliż. Blanchard, mara ta’ nazzjonalita Ingliża, resident Birżebbugia tidħol fl-awla.

Blanchard saħqet li hija kienet pparkjat il-karozza fit-Triq fil-10:45 a.m, Triq il-Gudja ġewwa Ħal Għaxaq, ħdejn l-ispiżerija li hemm fil-viċinanzi.

Hija saħqet li sakemm kienet qegħda tipparkja, rat raġel għaddej bir-rota, jsuqha lejn id-direzzjoni tagħha, innotat li r-raġel, xħin wasal fuq il-post, qabad ir-rota u remiha faċċata tat-triq fejn hija kienet pparkjata. Kien jidher mgħaġġel ħafna. Il-fatt li rema r-rota fil-ġenb it-triq, ġibditilha l-attenzjoni.

Blanchard ħarġet mill-karozza flimkien ma binha ż-żgħir ta’ 14-il sena, għax kienet sejra tieħdu għand it-tabib. Wara li r-raġel rema r-rota, huwa telaq jiġri lejn dar li kienet fin-naħa l-oħra tat-triq. Hija ratu dieħel jiġri ġo din id-dar, pero ma semgħet xejn (diskors la tiegħu, u lanqas ta’ missieru) qabel ma daħal.

Blanchard u binha qabdu mexjin lejn l-Ispiżerija ta’ St Philips u f’daqqa waħda semgħet ħoss ta’ sparatura storjbuża ħafna. Hija ddeskrivietu bħala ħoss li qatt ma semgħetu qabel, xi ħaġa tal-metall tqila u kbira li waqgħet. Pero ġħadditilha minn moħħha wkoll dak il-ħin li setgħet kienet sparatura. Fiha nnifisiha qalet: “Nispera li ma kinitx sparatura.”

Hija daħlet fl-ispżerija, pero eżatt qabel daħlet, bdiet tisma’ l-għajjat. L-għajjat kienu ta’ rabja u uġigħ. Kienet vuċi ta’ raġel.

Hija semgħet l-istorbu jiġi mid-dar imsemmija “Redentur.” Hija identifikat d-dar għaliex għandha ħabta li tara d-djar Maltin, u kif ċċombat dar bħal dik, hija għandha ħabta tieħu kont tal-isem tad-dar.

Hija u ħarġet mill-Ispiżerija, rat lit-tifel tagħha jistennieha barra, għaliex kien hemm it-tejp tal-Pulizija. Inġabru numru ta’ pulizija fit-triq, kif ukoll ambulanza li mblukkatilha l-karozza tagħha. Hi staqsiet lill-Pulziija kemm ħa jdumu biex tkun tista’ ċċaqlaq il-karozza tiegħha u l-pulizija ġie lura u qalilha “Madwar 15, 20 minuta oħra.”

Saqsiet lill-Pulizija jekk għandhiex titkellem fuq dak li rat. Mar uffiċjal ta-Pulizija fuqha, u ħadilha l-istqarrija. Ma kienx bl-uniformi, pero kellu t-tag tal-Pulizija. Iktar tard matul l-istess ġurnata, il-Pulizija qalulha biex tmur il-Kwartieri tal-Pulizija, għas-2:00 p.m, fejn tat stqarrija oħra lill-Maġistrat fuq dak li ġara.

L-avukata Parte Civile Dr Francesca Zarb saqsiet biex tiddiskrivi l-komportament ta-raġel fuq ir-rota. Hija ddeskrivietu bħala wieħed mgħaġġel, “frantic.” Hija saħqet li bejn meta r-raġel daħal fil-propjetà u l-isparatura, kien hemm bejn żewġ u tliet minuti.

Fuq mistoqsija tal-Avukat Difensur Lennox Vella, hija saħqet li kien hemm distanza bejn naħa u oħra tal-awla mill-wisgħa.

Hija nnutat ukoll li r-raġel ma kellu xejn f’idu.

TIntemm ix-xhieda ta’ Blanchard.

3:00 p.m: Issa mistenni jixhed Silvan Dalli; iben l-imputat u ħu l-vittma.

Qal li dakinhar fis-7 t’Awwissu, rċieva telefonata mingħand ħuh. Huwa preżentament jgħix għand iz-ziju, mhix fid-dar fejn seħħ l-inċident. Antoine Dalli beda jċempel sa mill-4 a.m, fuq il-mowbajl tiegħu personali. Qal li “Meta jċempel huwa, inkwiet is-soltu jġib”. Kien qallu li kellu bżonn il-flus, u beda jheddidu wkoll u qallu: “Għandi sorpriża għalik il-Qorti”

Beda jheddu wkoll fuq it-tifel. Mistoqsi mill-Qorti, huwa saħaq li dejjem staqsih jew għal flus, jew inkella għal xi qadja. “Ħija ma kienx jaħdem. Minn dejjem kellu l-vizzji tad-droga. Kemm ilna ngħixu flimkien, minn 14, 15-il sena kien diġa involut f’dawn l-affarijiet. Dakinhar, prova jheddidni bit-tifel, u għalhekk mort nagħmillu rapport lill-Pulizija. Mhijiex l-ewwel theddida: Ġieli anke qattagħli t-tyres. Mar jipprova jagħmel programmi tad-detox, iżda qatt ma rnexxielu.”

Silvan kompla biex jgħid li hu baqa’ sejjer il-ħanut, imbagħad rċieva telefonata mingħand missieru għall-ħabta tal-11:00 a.m.

“Xħin qalli missieri, anqas ridtu nemmnu. Jiena ma mortx hemmhekk, pero ħija ż-żgħir mar fuq il-post.” Misieri qalli: “Daħal fuqi Antoine, u sparajtlu.”

Ftit wara, ġie ħija Ryan, u qaluli biex ninżel l-għassa taż-Żejtun. Minn hemmhekk, ħaduna d-depot, interrogawna, u saqsewna fuq x’ġara.

Mistoqsi fuq r-relazzjoni bejn ħuħ u missieru, Silvan saħaq:

“Kif naraha jiena: Ħija meta kien bil-għaqal, kien raġel tajjeb. Meta jaqbad it-triq tan-niżla pero, kulħadd iħossha. Doqt it-tajjeb minnu, imma doqt il-ħażin minnu. Ħija hu, ser nimmissjah. Dan l-aħħar kien niżel ċertu livell, li anke meta kont nitħadded ma ħija ż-żgħir, kont ċert li mhix ħa jiġi lura. Il-livell fejn niżel, qatt ma kien dak l-istat qabel. Huwa minn dejjem kellu diżgwit mal-partner, it-tfal bilkem kien jarahom. Fid-dar fejn seħħ id-delitt, kien ilu jgħix s-snin flimkien mat-tfajla  u t-tfal. Imma dan l-aħħar, missieri keċċih u tefgħu f’appartament ġewwa Birżebbugia. Dan l-aħħar ma baqax joqgħod hemm għax keċċih missieri.”

Silvan kompla biex jispjega li ħuh il-kbir ġieli ħebb għal misiseru wkoll, tant li darba ħuh iż-żgħir ħa lil missieru l-policy clinic. Qal li minn meta reġa’ qabad il-vizzju, ħuh ma baqgħax dak li kien jaf. Minn raġel b’qalbu tad-deheb, kien jispiċċa xi ħadd ieħor kompletament. Mistoqsi jekk kienx jibża’ minnu qal li iva kien jibża’ daqsxejn minnu. Qal ukoll li dan kien l-ewwel rapport li qatt għamel lill-Pulizija, għax semmielu lit-tifel. Huwa temm jgħid ukoll li anke missieru kien jibża’ minnu, speċjalment wara li żgassalu l-bieb.

Share With: