Multa ta’ €3,000 għall-organizzaturi li jonqsu milli josservaw id-distanza soċjali fl-avvenimenti tagħhom

Skont l-avviż legali li jitratta l-avvenimenti pubbliċi tal-massa, mil-lum mhux biss se jkun hemm restrizzjonijiet ta’ distanza soċjali, iżda se jkunu qed jingħataw multi għal ksur ta’ din il-liġi.

Kull organizzatur ta’ avveniment li jonqos milli josserva r-regolamenti imposti se jkun ħati ta’ reat u meta jinstab ħati jeħel multa ta’ €3,000 għal kull darba mill-okkażjonijiet li l-organizzatur tal-avveniment jikser dawn ir-regolamenti.

Skont dawn ir-regolamenti: 

– Il-kapaċità massima ta’ dawk li jattendu m’għandhiex teċċedi persuna waħda kull erba’ metri kwadru.

-Dawk li jattendu ma jinġabrux fi gruppi ta’ aktar minn 10. Hawnhekk ukoll għandha tinżamm id-distanza taż-żewġ metri.

Mhux biss, għal kwalunkwe avveniment pubbliku tal-massa li jaqbeż il-100 persuna , għandha tiġi sottomessa formula preskritta ta’ riskju mal-Awtorità tat-Turiżmu u l-avveniment jiġi organizzat biss bl-approvazzjoni tal-awtorità.

Share With: