Nazzjonalisti tat-Tielet Klassi

Ġeneralment hu l-Lemin li jakkuża lix-Xellug li dan qed joħloq firda permezz li jitkellem fuq Klassijiet fis-soċjeta’.  Biss fir-realta’ huma n-nies tal-Lemin, dawk li qegħdin fil-Lemin għax jemmnu fil-prinċipji tal-Lemin, li joħolqu l-Klassijiet peress li jiddistingwu bejn bniedem u l-ieħor.

Dan ħareġ ċar riċentament meta t-tesserati tal-Partit Nazzjonalista ġew deskritti bħala nies tat-Tielet Klassi.  U min qal hekk kien jaf x’qed jgħid.  Għax fil-Partit Nazzjonalista għandek tliet klassijiet.  Tal-ewwel klassi huma dawk li kienu u għadhom jikkontrollaw lill-Partit Nazzjonalista.  Dawn huma nies li jemmnu li huma jafu kollox u li huma biss ġew maħluqin biex imexxu.  Għalihom dak li jagħmlu kollox sew anki meta jgħaffġu u jbażwru.  Filwaqt li huma jakkużaw lil ħaddieħor b’ineffiċjenza, b’injoranza, u korruzzjoni, tagħhom jgħattuh anki meta jkun hemm rapporti uffiċjali.  Barra minhekk huma jaħsbu biss fihom infushom.  Kulħadd jiftakar meta fil-Gvern ta’ GonziPN, dawn iddeċedew li wara dahar kulħadd, iżidu l-paga tagħhom b’sitt mitt euro fil-ġimgħa meta kellek ħafna nies li lanqas idaħħlu daqshekk paga fix-xahar.

Il-partitarji tat-Tieni Klassi huma dawk in-nies li huma qrib dawk tal-Ewwel Klassi.  Dawn ikunu nies li huma fdati minn tal-ewwel klassi u tagħrafhom minħabba il-postijiet tax-xogħol li kellhom meta kienu fil-gvern.  Hemm oħrajn li tagħrafhom mill-kuntratti (b’direct orders) li kienu jingħataw .  Ħafna minn dawk li jmorru jipprotestaw u jkasbru lil Malta huma minn din il-klassi.  Dawn qed jaħdmu biex jerġgħu jkunu fil-gvern biex huma jerġgħu jkunu mill-qrib biex igawdu kważi daqs tal-Ewwel Klassi.  

Il-partitarji tat-Tielet Klassi huma l-votanti ordinarji – ordinarji fis-sens li dawn sehemhom hu bħal ta’ kull ċittadin ieħor.  Ħafna minn dawn in-nies l-interess primarju tagħhom hu bħal tal-maġġoranza tan-nies – il-familja tagħhom.  Dawn jerġgħu jitilgħu fil-popolarita’ taż-żewġ klassijiet l-oħra meta tkun waslet l-elezzjoni għaliex f’demokrazija, il-vot ta’ kull persuna ordinarja jiswa daqs il-vot tal-‘effiċjenti’, ‘l-intelliġenti’ u ‘l-magħżula’ – dawk tal-Ewwel u t-Tieni Klassi.

Għaliex tat-Tielet Klassi kienu għażlu lil Adrian Delia?

Ir-raġuni hi waħda sempliċi – għaliex il-partitarji tat-Tielet Klassi kienu batew daqs kemm bata l-poplu kollu bl-azzjonijiet li kien ħa l-gvern ta’ GonziPN u ttendew li l-politika ta’ Simon Busuttil mhux biss kienet bħal tal-aħħar gvern nazzjonalista imma kienet ukoll ibbażata fuq il-mibegħda.  

Dawn bħall-poplu, la kienu ħadu kuntratti u lanqas kienu ħadu żidiet minn wara dahar il-poplu.  Li kieu ħadu kienu wegħdiet li ma sarux u kienu gawdew miż-żieda esaġerata fil-prezz tal-elettriku u tal-ilma.  Ma ninsewx li l-faqar fl-enerġija kien tela’ minn 8% għal 24%.  Dan kien ifisser li kwart tal-poplu ma kienx jista’ jlaħħaq mal-prezzijiet tal-elettriku u l-ilma.  Dan il-faqar ma laqatx biss lil dawk li ma kienux jivvutaw lill-PN, iżda anki lill-partitarji Nazzjonalisti tat-Tielet Klassi.

Il-partitarji tat-Tielet Klassi kienu ttendew li biex ikollhom post xieraq kellhom bżonn bidu ġdid fil-partit tagħhom. U kien għalhekk li minn erba’ kandidati għall-Kap tal-Partit kien intagħżel l-aktar wieħed li kien qrib in-nies tat-Tielet Klassi għaliex ma kienx jifforma parti mill-gruppi tal-Ewwel u t-Tieni Klassi.  

Il-partitarji tal-PN, wara l-elezzjoni tat-2013, ittendew li bit-tmexxija li kellu l-Partit Nazzjonalista, la kienu ser igawdu huma u lanqas Malta.  Ittendew ukoll li minflok fl-2013 il-partit biddel, aktar sar estrem fit-twemmin tiegħu ta’ firda u negattivita’ li kienu jolqtu ħażin anki lilhom.  Dan rawh meta numru ta’ membri parlamentari fi ħdan il-partit stess kienu ġew imwarrba minn Simon Busuttil għax riedu bidla.

Dawn in-nies jafu ħaġa.  Minkejja li dawk tal-Ewwel u t-tieni grupp jistgħu jikkontrollaw il-PN billi ma jagħtux kas it-tesserati, tat-Tielet Klassi jafu li hu l-vot tagħhom li jista’ jtella’ jew itellef l-elezzjoni għaliex il-vot tagħhom f’elezzjoni ġenerali jiswa daqs ta’ kull wieħed u waħda mill-klikka li dejjem ikkontrollaw lill-PN.  

Hu għalhekk li dawn in-nies huma rrabbjati għaliex jafu li fil-partit tagħhom, il-grupp li jikkontrolla l-partit jagħti kashom biss meta jkollhom bżonn is-support tagħhom – waqt elezzjoni.

Delia hu l-problema?

Delia hu problema għaliex s’issa ma kienx kapaċi jiżviluppa u jmexxi politika ġdida fi ħdan il-partit tiegħu stess u wisq anqas jmexxi ‘l quddiem lin-nies li jaqblu miegħu fil-partit.  Dan in-nuqqas wassal biex Delia aktar qed juża ż-żmien tiegħu biex isalva l-pożizzjoni tiegħu milli biex imexxi l-politika tiegħu fi ħdan il-partit.

Hemm ħafna jaħsbu li l-problema tal-PN hi biss Delia.  

Il-PN għandu problema aktar kbira u aktar diffiċli biex isolviha.  Il-problema hi l-Membri Parlamentari li għandu.  

Dan għaliex il-grupp hu magħmul prinċipalment minn żewġ gruppi.  Għandek il-grupp tal-qalba kontra Delia li kienu Ministri fi żmien Gonżi PN li wrew lill-poplu li huma mhux kapaċi jmexxu.  Barra t-tgħaffiġ li sar, kissru wkoll l-ekonomija u b’hekk barra l-faqar u tbatija li ħolqu, daħħlu lill-ekonomija u lill-poplu f’dipressjoni kbira.  

Imbagħad għandek il-grupp l-ieħor ‘ġdid’ li kien tela’ fl-2013 u fl-2017.  Dan il-grupp ma nafux xi jsarraf.  Biss nafu karatteristika li kienet ħarġet bi kbir fl-aħħar elezzjoni u li kienet u għadha ddejjaq in-nies – il-mibegħda.  Dawn huma klassisti aktar mill-grupp l-ieħor u huma mmexxija bil-kilba għall-poter.  Kull min ma jaqbilx magħhom jippruvaw ikissruh.  

Din il-karatteristika tagħhom tant hi qawwija u parti minnhom li huma stess lanqas jagħrfuha.  Tant hi parti minnhom li ma jużawhiex ma nies ta’ partiti oħra imma anki man-nies tagħhom stess.  Jekk tieħu l-każ ta’ Delia, dawn jgħidulek li huma qatt ma ħadmu kontra tiegħu, biss mill-għada li tela’ bħala mexxej ħlief konfoffi kontra tiegħu u gambetti ma tawhx.  Dan barra li l-gost tagħhom kien li jħammġuh ma kulħadd.

Il-problema hi li din il-karatteristika ta’ mibegħda hi diffiċli biex tneħħija u ddawwarha f’xi ħaġa pożittiva.  Ir-raġuni hi li dan il-grupp jaħli l-ħin tiegħu fil-kritika u mibegħda minflok juża l-ħin u l-kapaċitajiet tiegħu biex jikkreaw affarijiet ġodda li għandha bżonn Malta u l-poplu tagħha.  Hi għalhekk li din il-karatteristika tbeżża’ lill-poplu, inkluż in-Nazzjonalisti tat-Tielet Klassi, għax jafu li din tintuża bil-qalb anki kontra tagħhom.  

In-nuqqas ta’ kredibilita’ toħroġ ċara fis-saltna tad-dritt.  Dan il-grupp flimkien mal-grupp l-ieħor jitkellmu fuq is-saltna tad-dritt meta dan ma japplikawhx.  Dan narawh minn fatt sempliċi – lanqas qatt ma aċċettaw ir-rieda tal-partitarji tat-Tielet Klass  u ‘l ħin kollu jaraw kif jużaw u jdawru r-regolamenti tal-PN kif jaqbel lilhom biex jibqa’ jkollhom poter assolut.    

Ktibt li din hi problema akbar.  Dan għaliex biex tneħħiha trid kważi tibdel il-grupp Parlamentari kollu.  U kien hawn li falla Delia – li ma mexxiex ‘il quddiem nies ġodda b’ideat ġodda, u mhux konservattivi estremi, li huma kompatibbli sew mas-soċjeta’ moderna Maltija u sew mal-ekonomija dinjija.  

Din hi problema li l-maġġoranza tal-poplu ma jistax għaliha għax il-maġġoranza jridu aktar ġid sew għalihom u għall-familja tagħhom.

Share With: