“Nemmen li t-tfal għandhom jitlaqqmu kontra l-influwenza”

“Nemmen li jagħmel sens li bħala pajjiż nikkonsidraw dak li qed ikun rakkomandat f’pajjiżi oħra fosthom l-Iskozja, jiġifieri li ssir kampanja madwar il-pajjiż biex it-tfal jitlaqqmu kontra l-influwenza. Ninsabu resqin lejn iż-żmien li fih naraw żieda fl-influwenza, fejn ma din għandna l-infezzjoni tal-Covid19. Nemmen li hu parir tajjeb li t-tfal jitlaqqmu kontra l-influwenza biex b’hekk nevitaw pressjoni żejda fuq is-sistemi tas-saħħa tagħna,  u dan meta l-Covid19 għadu magħna”.

Dan sostnieh pedjatra li tkellem ma’ inewsmalta, fejn spjega li din il-ħaġa qiegħda ssir f’pajjiżi oħra fosthom fl-Iskozja. 

L-istess pedjatra qalilna li “nemmen li dan hu messaġġ li għandu jitwassal. Jekk nieħdu x’qed jgħidu l-Iskoċċiżi naraw li dawn qed jisħqu li llum minħabba l-imxija tal-Covid19 hu aktar importanti minn qatt qabel li l-istudenti jitlaqqmu kontra l-influwenza. Hu mistenni li kemm il-virus tal-influwenza u anke dak tal-Covid19, se jkunu qed jinxterdu fix-xitwa. L-influwenz hi virus respiratorju b’sintomi simili għal dawk tal-Covid19. L-injezzjoni kontra l-influwenza se tnaqqas ir-riskju li tfal jimirdu bl-influwenza u li jxerrdu dan il-virus fost il-familjari. Aktar ma nies jitlaqqmu kontra l-influwenza, iktar hemm prevenzjoni u għalhekk inqas pressjoni fuq is-sistemi tas-saħħa mill-influwenza”.

Share With: