New Zealand tirreġistra 14-il każ ġdid ta’ Covid-19 wara aktar minn 100 jum mingħajr trasmissjoni lokali

Il-belt ta’ Auckland fi New Zealand reġgħet tpoġġiet taħt lockdown wara li fl-aħħar sigħat kienu rreġistrati 14-il każ ġdid ta’ Covid-19. Dawn il-każi feġġew wara 102 ġranet li fihom ma kien hemm l-ebda każ ta’ infezzjoni lokali.

L-awtoritajiet tal-pajjiż ħadu azzjoni immedjata u poġġew lil din il-belt f’lockdown eżatt wara li ġew ikkonfermati l-ewwel erba’ każi. Jidher li l-erba’ każi ġodda huma kollha membri tal-istess familja u l-ebda wieħed minnhom ma vvjaġġa.

B’hekk ir-residenti ta’ Auckland qegħdin jiġu mitluba biex jibqgħu d-dar filwaqt li attivitajiet tal-massa ġew ipprojbiti u negozji mhux essenzjali ngħalqu. Apparti hekk, reġgħu ġew introdotti restrizzjonijiet ta’ distanza soċjali madwar il-pajjiż kollu.

New Zealand huwa pajjiż li kiseb riżultati tajbin ħafna fil-kontroll tal-pandemija. S’issa, minn Frar ’il hawn, dan il-pajjiż kellu 1,220 każ ta’ infezzjoni u 22 mewt. Qabel dawn l-aħħar każi, New Zealand kien għadda minn 102 ġranet mingħajr infezzjoni trasmessa lokalment. Dan hu wieħed fost ftit pajjiżi li rnexxielu jikseb dan ir-riżultat. Qabel kien hemm 22 każ li kien għadhom attivi, u dawn kienu kollha ta’ vjaġġaturi li ġew minn barra l-pajjiż u kollha kienu qegħdin jinżammu fi kwarantina.

Fid-dawl tar-riżultati pożittivi miksuba, fl-aħħar ġimgħat il-gvern kien kważi neħħa kull restrizzjoni imposta. Iżda hekk kif l-infezzjonijiet madwar id-dinja komplew jiżdiedu – fejn issa hawn iktar minn 20 miljun każ madwar id-dinja – l-awtoritajiet tal-pajjiż wissew lill-poplu biex ma jillaxkax u jibqa’ viġilanti.

Share With: